Il-Qorti tal-Appell Kriminali preseduta mill-Imħallef Edwina Grima kkonfermat sentenza ta’ ħames xhur ħabs fil-konfront ta’ David Lineker Micallef wara li nstab ħati li kellu d-droga fiċ-ċella. Hu nstab ħati wara li f’Jannar, 2009, inqabad bl-eroina u l-methadone fil-ħabs.
Fl-2023, huwa kien instab ħati li nqabad bid-droga iżda ma nstabx ħati li sar riċediv. Minbarra ħames xhur ħabs il-Qorti ordnatlu jħallas l-ispejjeż tal-Qorti. Flappell huwa argumenta li l-prosekuzzjoni ma ppruvatx il-każ tagħha kontrih.
Dan għax skont hu kien hemm laxxkezza kbira fis-sigurtà tal-ħabs u kien hemm ukoll problema tad-droga fost il-priġunieri, allura l-Qorti qatt ma setgħet tkun konvinta li d-droga misjuba kienet tappartjeni lilu peress li faċilment setgħet kienet ta’ ħaddieħor.
Skont ix-xhieda fis-6 ta’ Jannar, 2009, waqt spezzjoni minn tlett gwardjani fil-ħabs f’ċella numru 14 kien instab qartas bi trab suspettuż, biċċiet tal-fojl, żewġ pilloli ta’ lewn blu u tubu żgħir b’likwidu ħadrani. Minn eżami forensiku ħareġ li t-trab ta’ lewn kannella kien eroina u b’kollox kien hemm 0.7 grammi, liema droga kellha purità ta’ 15%. Kienu nstabu wkoll traċċi tal-eroina fuq il-fojl misjub fiċ-ċella.
Fattur ewlieni li qieset il-Qorti kien li mix-xhieda tal-gwardjani rriżulta li ċ-ċella li fiha nstabet id-droga kien joqgħod l-akkużat waħdu. Gwardjan minnhom qal li fiż-żmien il-każ kien hemm nuqqas ta’ sigurtà fil-ħabs u kien hemm problema tad-droga.
Qal ukoll li kien hemm ftit ħaddiema dak iż-żmien u ċ-ċelel kienu jinfetħu, jitħallew miftuħa u jingħalqu aktar tard. Min-naħa tiegħu David Lineker Micallef – saħaq li minħabba f’hekk id-droga setgħet tpoġġiet fiċ-ċella tiegħu minn ħaddieħor.
Il-Qorti iżda kienet konvinta li dan ma kienx minnu għax hu kien twaqqaf f’kurutur mill-gwardjani u meta fittxewlu sabulu pakkett sigaretti moħbi fil-qalziet ta’ taħt tiegħu. Wara saret tfittxija fiċ-ċella tiegħu nstabet id-droga msemmija. Innotat li x-xhieda tal-gwardjani qablet meta qalu li l-akkużat kien fiċ-ċella meta saret tfittxija.
L-Imħallef Edwina Grima, qalet li bħall-Ewwel Qorti ma tiddubitax minn din ix-xhieda. Innotat ukoll iżda li qatt ma ġie ddeterminat ta’ min kienet iż-żarbuna li fiha nstabet id-droga, iżda din instabet fiċ-ċella tiegħu. Qalet li mill-provi miġjuba, l-Ewwel Qorti kienet korretta u li setgħet legalment tasal li ssibu ħati.
//= $special ?>