Lokali

“L-amministrazzjoni ġusta hi prinċipju fundamentali”

It-tema tat-trasparenza u l-amministrazzjoni ġusta kienet diskussa waqt konferenza internazzjonali organizzata f’pajjizna mill-Ufficcju tal-Ombudsman.

Bil-kap tal-PN Bernard Grech isostni li l-amministrazzjoni ġusta mhux biss kelma legali, iżda prinċipju fundamentali għal soċjeta’ ugwali… hekk kif jekk iċ-ċittadini jrid ikollom fiduċja li l-Gvern qed jopera b’mod ġust.

Waqt li indirizza din il-konferenza internazzjonali, Bernard Grech sostna wkoll li dan mhuwiex lussu iżda dritt li ħaqqu kull ċittadin.

Hu għamel enfasi wkoll għall-fatt li uffiċjali pubbliċi u dawk li qegħdin fil-poter iridu jkunu responsabbli għall-azzjonijiet u d-deċiżjonijiet tagħhom. Din tgħin sabiex din ir-responsabbiltà taġixxi bħala deterrent kontra l-korruzzjoni u l-amministrazzjoni ħażina filwaqt li tippromwovi kultura ta’ integrità u imġiba etika fil-Gvern.

Bernard Grech stqarr li r-riżorsi adekwati, l-indipendenza, u l-awtorita’ huma kruċjali sabiex l-Ombudsman u l-istituzzjonijiet ta’ sorveljanza iwettqu dmirhom b’mod effettiv. Hu staqsa jekk id-dritt għal governanza tajba hix realta’ bħalissa; hekk kif il-Gvern b’mod frekwenti jinjora u jirrifjuta numru ta’ rapporti miktubin mill-Ombudsman. U propju għalhekk, hemm bżonn tinbidel il-liġi sabiex dan ma jkomplix isir.

Il-Partit Nazzjonalista minn dejjem mexxa ‘l quddiem l-amministrazzjoni ġusta għal pajjiżna. U bħala l-Kap tal-Oppożizzjoni, Bernard Grech sostna li hu ser jaħdem kontinwament mal-Ombudsman, mal-Gvern kif ukoll mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili sabiex isaħħu d-dritt għall-amministrazzjoni tajba.

F’kumment ma’ Net News wara l-konferenza, Bernard Grech fakkar fl-iskandlu tal-liċenzji tal-karozza, filwaqt li kompla jsostni l-importanza għall-amministrazzjoni ġusta.