Budget 2024 Lokali

Moviment Graffiti jsostnu li ż-żieda fil-paga minima mhijiex biżżejjed

Fuq il-programm Insights, il-Moviment Graffiti sostnew li minkejja ż-żieda fil-paga minima hi ħaġa pożittiva, din ma tindirizzax l-inġustizzji li qed jaffaċċjaw il-ħaddiema f’pajjiżna.

“Meta jkollok ħaddiema li jmorru għax-xogħol, jaħdmulek 40 siegħa fil-ġimgħa, u xorta anqas għandhom flus biżżejjed għal affarijiet bażiċi… din hija problema li rridu nsolvu”

Huma sostnew li hemm raġuni għala huma jridu li l-paga minima togħla iktar min hekk.

Fakkru kif f’Malta l-ekonomija kibret b’mod drastiku dawn l-aħħar snin, flimkien mal-inugwaljanzi li qed ikomplu jitwessgħu fis-soċjeta’ bejn dawk li għandhom ħafna u dawk li għandhom ftit.

Dan ifisser li l-ekonomija kienet qed tikber, iżda l-ġid li ħareġ minnha kien qed jiġi mqassam b’mod inugwali ħafna.

“Li inti tgħolli l-pagi, huwa mod kif twassal għal tqassim aħjar tal-ġid fis-soċjeta'”

Il-Moviment Graffiti komplew jgħidu li “inti jkollok ekonomija iktar b’saħħitha meta ma tkunx iffissat bit-tkabbir”, u sostnew li f’Malta hawn iż-żejjed xogħolijiet u mhux biżżejjed min jaħdem. Huma qalu li aħna m’għandniex bżonn ekonomija ikbar milli għandna, iżda ekonomija iżgħar milli għandna fejn il-ġid li joħroġ minnha ikun imqassam b’mod aħjar.

Din għandha impatt ukoll fuq il-kwalita’ tal-ħajja tagħna – jekk aħna niddependu fuq ekonomija li qed tikber bl-addoċċ, ifisser li jkollna kwalita’ tal-ħajja agħar. Huma sostnew li inħoloq ħafna ġid matul iż-żmien, iżda dan ma tqassamx b’mod ġust.

Il-fatt li hija diffiċli biex tixtri post fejn tgħix, dan ukoll hu riżultat ta’ dan il-mudell ekonomiku ta’ tkabbir bla qies. Huma sostnew ukoll il-problema li l-Gvern qed jagħlaq għajnejh għall-isfruttament tal-ħaddiema.

Huma temmew billi nsistew li ċ-ċentru ta’ dan il-mudell għandu jkun in-nies u l-ħaddiema, u mhux il-qligħ.