Internazzjonali

Netanyahu: Is-suldati maqtula kienu qed jiddefendu l-eżistenza ta’ Iżrael

Iżrael ikkonferma li nqatlu 11-il suldat waqt il-battaji mal-Ħamas f’Gaza, b’din iċ-ċifra tkun valida għal perjodu ta’ 24 siegħa. B’hekk, l-ammont ta’ militar Iżraeljani maqtula avviċina t-330 mindu t-terroristi tal-Ħamas wettqu l-attakki storiċi tas-7 ta’ Ottubru kontra l-komunitajiet Iżraeljani man-naħa l-oħra tal-fruntiera.

Il-Prim Ministru Iżraeljan Benjamin Netanyahu tkellem biex jirrikonoxxi dan il-fatt u biex iwassal messaġġ ta’ solidarjetà lill-familji tal-vittmi. Hu enfasizza li dawn is-suldati mietu fi ‘gwerra ġusta li qed issir fi żmien ta’ theddida kbira għall-eżistenza ta’ Iżrael’.

Netanyahu tenna mill-ġdid li l-gwerra se tieħu fit-tul u li għalkemm il-qawwiet Iżraeljani qed jiksbu, kontinwament, it-tragwardi militari, il-poplu ta’ Iżrael għandu jistenna aktar telf ta’ ħajja waqt l-offensiva fuq it-terroristi.

Il-Prim Ministru Iżraeljan, fl-istess ħin, fakkar li l-gwerra kontra t-terroriżmu hi waħda li – jekk tirnexxi – għandha tiggarantixxi livell ogħla ta’ sigurtà għar-reġjun  mingħajr it-theddida ta’ fanatiċi li ma jirrispettaw il-ħajja ta’ ħadd.

Hu wiegħed liċ-ċittadini ta’ Iżrael li l-qawwiet tagħhom se jkomplu ‘bil-missjoni għall-qerda tal-Ħamas’ sakemm jaċċertaw mir-rebħa finali.

Sadanittant, kelliema għall-Qawwiet tad-Difiża Iżraeljani qalu li, mill-bidu tal-gwerra mal-Ħamas fis-7 ta’ Ottubru, il-qawwiet ta’ Iżrael laqtu ‘il fuq minn 11,000 mira tal-‘organizzazzjonijiet terroristiċi’ fil-Medda ta’ Gaza.