Pensjonant li ġie kundannat 17-il xahar ħabs talli naqas milli jħallas il-manteniment ta’ kull xahar lill-eks mara tiegħu minħabba restrizzjonijiet finanzjarji sostna li ksur tad-drittijiet tal-bniedem minħabba l-piena sproporzjonata.
Mario Bartolo sostna li l-ħabs kien qed jissuġġettah għal trattament degradanti u inuman u wkoll diskriminatorju. Huwa ppreżenta rikors fil-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili fil-ġurisdizzjoni kostituzzjonali tagħha kontra l-Avukat tal-Istat u l-Avukat Ġenerali.
Huwa qal lill-Qorti li kien kundannat għal total ta’ 17-il xahar ħabs minn żewġ maġistrati differenti li kienu qed jiddeċiedu fuq ilmenti kriminali mressqa mal-pulizija kontrih minn martu wara li kellu jagħtiha €466 fix-xahar f’manteniment wara s-separazzjoni tagħhom.
Spjega li filwaqt li kien jaħdem meta ġie ffirmat il-kuntratt tas-separazzjoni fl-2010, dak iż-żmien ma kienx pensjonant ta’ 67 sena, kif inhu llum u li kien “marid serjament”. Għalhekk kien impossibbli għalih li jkompli jħallas l-ammonti. Qal li kellu siequ kienet spiċċat amputata u ma setax jaħdem.
Id-deċiżjonijiet li permezz tagħhom spiċċa l-ħabs huma kollha pendenti quddiem il-Qorti tal-Appell.
Bartolo qal li martu kienet qed tressaq ilmenti kriminali kull ftit xhur u kellu numru ta’ kawżi pendenti għax ma setax iħallas il-manteniment. Huwa kien talab medjazzjoni quddiem il-qorti tal-familja iżda din kienet pendenti wkoll, u ma offrietlu ebda serħan.
Huwa sostna li t-termini tal-ħabs kienu sproporzjonati u ma ħadux in kunsiderazzjoni ċ-ċirkostanzi differenti li kien fih issa. Barra minn hekk, il-każijiet kollha tiegħu ġew ittrattati separatament minkejja li kienu marbuta. Kien ukoll qed jiġi ddiskriminat minħabba li ma setax jibbenefika minn dispożizzjoni fil-liġi li tqis il-każijiet kollha bħala reat kontinwu.
Bartolo għalhekk appella lill-Qorti biex tiddeċiedi li l-kundanna ta’ ħabs tiegħu minħabba n-nuqqas ta’ ħlas tal-manteniment kienet qed tikser id-drittijiet umani tiegħu u tordna li l-kawżi kollha tiegħu jinstemgħu u jiġu deċiżi flimkien. Ir-rikors kien iffirmat mill-avukati Jose` Herrera, David Camilleri u Martina Herrera.
//= $special ?>