Lokali

Ser tiġi organizzata simulazzjoni ta’ rispons għal tsunami

Fis-7 ta’ Novembru 2023 bejn it-8:00 u nofsinhar, ser isir eżerċizzju għal tsunami f’Malta. L-għan ta’ dan l-eżerċizzju huwa li jevalwa l-pjanijiet lokali ta’ rispons għat-tsunami, u jtejjeb l-għarfien u l-koordinazzjoni fil-komunità kollha.

Il-Baħar Mediterran inħakem minn tsunami diversi drabi matul is-seklu li għadda, fosthom fl-1908 (Messina), fl-1956 (il-Greċja), fl-2003 (l-Alġerija) u fl-2017 (il-Greċja). Dan ifakkarna fil-ħtieġa urġenti li nkunu aktar ippreparati għal avvenimenti bħal dawn. Dan l-eżerċizzju importanti se jittestja l-proċeduri attwali tas-Sistema ta’ Twissija ta’ Tsunami fir-reġjun tal-Mediterran, kif ukoll fil-livell ta’ komunità lokali, inklużi l-protokolli ta’ komunikazzjoni.

L-eżerċizzju, imsejjaħ NEAMWAVE23, ser isir taħt l-awspiċi tal-IOC-UNESCO, u se jissimula Tsunami minn terremot kbir fittizju taħt il-baħar fil-Lvant tal-Mediterran. L-eżerċizzju se jkun ikkoordinat mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, bl-appoġġ tad-Dipartiment tal-Ġeoxjenzi, l-Università ta’ Malta.

Il-messaġġi ta’ allerta se jixxandru mit-Tsunami Service Provider f’Ruma u jaslu għand id-DPĊ minn fejn jiġu kkomunikati lill-entitajiet kollha permezz tal-protokolli standard. Eżerċizzju fuq skala żgħira fuq il-post se jinvolvi l-evakwazzjoni u t-trasport sikur ta’ grupp ta’ tfal tal-iskola, u d-daqq ta’ sireni.

Eżerċizzju simili, NEAMWAVE21, sar f’Marzu 2021, filwaqt li f’Marsaxlokk kien sar eżerċizzju ta’
evakwazzjoni fuq skala sħiħa f’Novembru 2021. F’Malta, NEAMWAVE23 ser jintegra mal-proġett CoastWAVE, li huwa kkoordinat mid-Dipartiment tal-Ġeoxjenzi, l-Università ta’ Malta. F’dan il-proġett, numru ta’ komunitajiet Mediterranji, fosthom Marsaxlokk, qed jitħejjew biex jiġu ċċertifikati bħala Tsunami Ready.

Jekk ikun hemm xi theddida reali ta’ tsunami matul il-perjodu ta’ żmien tal-eżerċizzju, l-eżerċizzju jintemm.

Għal aktar informazzjoni dwar l-Eżerċizzju tat-Tsunami NEAMWave23, segwi l-link: unesdoc.unesco.org/ark:/48223/pf0000386156