Lokali

AĠĠORNATA: Mekkanik isofri minn xi ħruq wara li karozza ħadet in-nar f’garaxx fil-Marsa

Raġel sofra minn xi ħruq wara li karozza ħadet in-nar f’garaxx ta’ mekkanik fi Triq ix-Xwieni il-Marsa.

Il-mekkanik ipprova jitfi n-nar permezz ta’ fire extinguisher iżda dan kien kollu għalxejn. Fortunatament, huwa rnexxilu joħroġ mill-garaxx qabel inqabad fin-nirien li ħakmu l-garaxx kollu għall-ħabta tat-tlieta ta’ waranofsinhar.

Fil-post marru numru ta’ vetturi tat-tifi tan-nar sabiex jikkontrollaw in-nirien. Evidenti n-nar kbir li ħakem il-garaxx, b’mumenti minnhom it-triq imtliet bid-duħħan hekk kif il-membri tal-Protezzjoni Ċivili kienu qed jitfgħu n-nirien.

Fil-post issejħet l-assistenza ta’ tim mediku, bil-mekkanik jingħata l-għajnuna medika fil-post iżda rrifjuta li jmur l-Isptar Mater Dei. Madanakollu, sorsi fil-post qalu ma’ Net News li l-ħaddiem sofra minn ġrieħi ħfief kaġun ta’ dan l-inċident.