Budget 2024 Lokali

Anke l-Caritas tinsisti li hemm bżonn mudell ekonomiku ġdid

Caritas Malta qalet li il-Budget 2024 kien wieħed soċjali li hu immirat li jżid id-dħul lil dawk l-iktar
vulnerabbli speċjalment anzjani, persuni u familji bi dħul baxx, żgħażagħ, persuni b’diżabilità u dawk
b’kundizzjoni ta’ saħħa mentali, fl-isfond tal-għoli tal-ħajja esaġerat u tad-distakk dejjem jikber bejn il-fqir u s-sinjur.

Caritas Malta ppromoviet il-bżonn ta’ Cola (Cost of Living Adjustment) addizzjonali għal dawk l-iktar
fil-bżonn. Hu ta’ pjaċir naraw li dan l-intervent qed ikompli jissaħħaħ f’dan il-budget. L-istess iż-żieda filminimum wage kien bżonn, u hu pass ieħor ’il quddiem. Dawn il-miżuri, flimkien mas-sussidju qawwi
tal-enerġija u l-qamħ u ż-żidiet fil-benefiċċji jolqtu direttament lill-iktar vulnerabbli. Bi pjaċir naraw li
man-numru ta’ benefiċċji li komplew jissaħħu, kien hemm ukoll żieda fil-benefiċċju għal dawk li qed
isegwu b’suċċess, programm ta’ riabilitazzjoni mid-droga.

Carita Malta tittam li ż-żidiet tal-COLA u l-minimum wage ma jwasslux għal żidiet ġodda fil-prezzijiet u b’hekk nappellaw li f’dan il-perjodu diffiċli tiġi megħluba l-kilba għall-profitt sproporzjonat.

Caritas Malta tantiċipa li xi persuni li kienu eliġibbli għal ċertu mediċini bla ħlas u benefiċċji soċjali oħra; bl-għoti tal-għajnuniet u żidiet, jistgħu jiġu f’sitwazzjoni li jitilfu l-intitolament tagħhom għal mediċina jew
benefiċċju għax id-dħul tagħhom jiżboq il-limitu tal-means test. F’dan il-każ xi individwi xorta jistgħu
jispiċċaw f’sitwazzjoni prekarja. Għalhekk din is-sitwazzjoni trid tiġi sorveljata sew u jsiru aġġustamenti
meħtieġa.

Caritas Malta saħqet li hemm b’mod urġenti għat-tisħiħ tal-awtoritajiet kollha biex abbużi ta’ kull tip jiġu kkontrollati; tissaħħaħ ilkontabilità, u nippromwovu l-kwalità f’kull qasam. Eżempju ta’ dan hu l-bżonn ta’ tisħiħ talpoteri tal-Malta Competition and Consumer Affairs Authority (MCCAA) u tal-ERA biex isir iktar
infurzar u l-kontroll ta’ abbużi marbutin maż-żidiet fil-prezzijiet u l-isfreġju ambjentali.

Kif ukoll hemm bżonn tal-inċentivar ta’ negozji li jakkwistaw ċertifikazzjoni bħall-ISO 26000 (timbru li juri li l-kumpanija tħaddan prinċipji tal-mudell ekonomiku soċjali u topera b’responsabbiltà soċjali). Barra minn hekk qalet li hemm bżonn ta’ investiment ikbar f’housing affordabbli u adegwat għaż-żgħażagħ biex ikunu jistgħu jsiru sidien ta’ darhom filwaqt li jgħixu ħajja diċenti.

Carita Malta qalet li hemm bżonn mudell ekonomiku li filwaqt li jnaqqas id-distakk bejn il-fqir u s-sinjur jimmira għas-sostenibbiltà u jnaqqas dipendenza fuq l-kostruzzjoni, cheap labour u żieda fil-popolazzjoni. L-għaqda sostniet li hemm bżonn li jiġi implimentat il-pjan ta’ sptar ġdid għal dawk b’kundizzjonijiet ta’ saħħa mentali.

Caritas Malta tappella lill-Gvern, lill-Korpi Kostitwi, lis-Soċjetà Ċivili, lin-Negozjanti u lill-NGOs biex jaħdmu flimkien għal soċjetà tassew soċjali, ġusta u li toffri kwalità diċenti ta’ ħajja.