“F’laqgħa mal-Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Data, sħaqt fuq l-importanza tal-investigazzjoni tiegħu dwar l-użu sistematiku tad-data personali taċ-ċittadini, li qed tiġi użata b’mod ħażin biex jiġu diskriminati s-servizzi fuq bażi ta’ lealtà politika li tkun perċepita,” iddikjara Casa.
“Kont assigurat li l-investigazzjoni hija attiva,” spjega Casa. “Bħal dejjem, poġġejt ruħi għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet Maltin biex jagħmlu xogħolhom biex nassiguraw li l-Gvern Malti jjimxi mal-konfini tal-liġi, speċjalment peress li nafu li dan mhux qed jiġri.”
Aktar kmieni dan ix-xahar, Casa kien kiteb lill-Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Data fejn talab għall-investigazzjoni dwar il-ksur sistematiku tal-liġi Ewropea dwar il-protezzjoni tad-data. Casa laqa’ d-deċiżjoni pożittiva tal-Kummissarju, li rrikonoxxa li l-fatti kienu serji biżżejjed biex jiġġustifikaw investigazzjoni ex officio.
“Il-ħtif ta’ entitajiet governattivi minn persuni u ħaddiema tal-Partit Laburista u l-użu l-ħażin tad-data privata taċ-ċittadini joħolqu theddida kbira għad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali taċ-ċittadini Maltin,” saħaq Casa. “Dan żgur ma jilħaqx l-istandards ta’ gvern demokratiku. Huwa għajb.”
F’riżoluzzjoni dwar is-saltna tad-dritt f’Malta, il-Parlament Ewropew appella biex l-awtoritajiet Ewropej jimmonitorjaw il-każ wara li esprima t-tħassib serju tiegħu dwar l-iskandli ppubblikati mill-ġurnalisti investigattivi din is-sena.
Il-Parlament Ewropew appella “lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data sabiex jimmonitorja l-investigazzjoni li għaddejja f’Malta, li tħabbret pubblikament fid-9 ta’ Ottubru 2023 u li se teżamina l-użu abbużiv ta’ data privata ta’ ċittadini Maltin, li setgħet kienet użata għal diskriminazzjoni abbażi ta’ affiljazzjoni politika.”
Casa rringrazzja lill-avukat tiegħu Dr Jason Azzopardi li akkumpanjah f’din il-laqgħa.
//= $special ?>