Budget 2024 Lokali

Dwar l-inflazzjoni, il-Gvern jgħid li “ftit li xejn” jista’ jagħmel

Ġimgħa wara l-oħra, kull Malti u Għawdxi qed jara l-prezzijiet ta’ prodotti bażiċi jgħolew – bil-ħaddiema u l-anzjani ma jafux kif se jirnexxilhom jgħaddu sal-aħħar tax-xahar. Problema enormi li issa qed tolqot ukoll lill-istudenti u anke lill-koppji żgħażagħ.

Quddiem dan kollu, il-Ministru tal-Finanzi ma jidhirx li għandu imqarr soluzzjoni waħda, għajr li jitfa’ l-ħtija fuq dak li qed jiġri barra minn xtutna. Tant illi fuq il-PBS, hu stess stqarr li “ftit li xejn” jista’ jieħu azzjoni.

“L-inflazzjoni x’tista’ tagħmillha?” qal Clyde Caruana. “Ftit li xejn, ftit li xejn.”

Dan qalu waqt il-programm Popolin fuq TVM, meta l-Ministru Clyde Caruana kien f’dibattitu mad-Deputat Nazzjonalista, Jerome Caruana Cilia. Bi Clyde Caruana jikkonferma wkoll li l-Gvern mhu se jkun qed jagħmel xejn dwar it-tberbiq ta’ flus li marru fost l-oħrajn għal Vitals u Steward … u anke fil-Kummissjoni tal-Films.

“Jien ma ninħelix fuq dawn l-affarijiet [tberbiq tal-Gvern Laburista],” qal Clyde Caruana. “Inħalli f’idejn il-ġudizzju tan-nies.”

Waqt l-istess programm, Jerome Caruana Cilia stqarr illi li kieku l-Gvern Laburista ma berbaqx il-miljuni ta’ ewro għall-barranin, kieku l-Maltin u l-Għawdxin qed jingħataw għajnuna ferm akbar ma’ kull budget. Dan meta id-deal tal-isptarijiet – waħdu – sewa lill-poplu mal-400 miljun ewro, li ġew misruqa.

“Kieku ma kienx hemm il-miljuni ta’ tberbiq minn flus il-poplu, kieku konna ninvestu iktar,” qal Jerome Caruana Cilia.