Il-barranin qed ikomplu jitilqu minn Gaza wara jiem sħaħ jiffaċċjaw il-periklu – bl-aħħar rapporti jgħidu li mijiet oħra, inklużi nies b’ċittadinanza doppja, mistennija jaqsmu minn Gaza lejn l-Eġittu permezz tal-aċċess ta’ Rafah.
L-eżodu tal-barranin hu kruċjali f’dawn iċ-ċirkustanzi u meta fost il-mijiet taċ-ċittadini barranin hemm l-għexieren ta’ Palestinjani midruba li qed jitwasslu lejn l-artijiet Eġizzjani permezz tal-ambulanzi.
Madankollu – u minkejja li mijiet oħrajn ta’ barranin laħqu telqu minn Gaza matul il-jum tal-Erbgħa – dawn huma proporzjon żgħir ħafna minn fost iż-żewġ miljuni, ċivili Palestinjani u barranin, li għadhom kostretti li jgħixu qalb iz-zoni ta’ Gaza li qed ikunu suġġetti għal xita ta’ missili.
Aktar minn 9,000 maqtula f’Gaza
Il-Ministeru tas-Saħħa f’Gaza, li hu mmexxi mill-Ħamas, qal li nqatlu ‘il fuq minn 9,000 persuna fil-Medda ta’ Gaza mindu l-Iżraeljani bdew jirritaljaw kontra t-terroristi tal-grupp terroristiku wara li wettaq il-massakri tas-7 ta’Ottubru f’Iżrael.
L-Iżraeljani, minn dakinar, ma waqfux mill-bumbardamenti u l-attakki mill-ajru fuq il-faċilitajiet tal-Ħamas u kollox qed jindika li l-assedju fuq Gaza għandu jiħrax ‘kontinwament’.
Fi żviluppi oħra, il-President tal-Istati Uniti Joe Biden, waqt żjara f’Minnesota, stqarr li hu jrid ‘pawża’ fl-ostilitajiet ta’ Gaza bil-għan li l-priġunieri jkunu jistgħu jitilqu mit-territorju.
Madankollu ma kienx ċar jekk Biden kienx qed jirreferi għall-ostaġġi miżmuma mill-Ħamas jew għall-barranin li spiċċaw iżolati f’Gaza u li qed jistennew biex jitilqu miz-zoni tal-gwerra.
//= $special ?>