Lokali

Hemm bżonn ta’ governanza li tfassal it-triq ‘il quddiem

Hemm bżonn ta’ governanza tajba, li tfassal it-triq ‘il quddiem għall-ġid tas-soċjeta’.

Dan intqal mill-editorjal tat-Times of Malta illi jfakkar li t-tkabbir ekonomiku ta’ Malta jiddependi ħafna fuq l-abilta li nattiraw investiment barrani. Bil-gazzetta tfakkar kif għal dawn l-aħħar erbgħin sena il-vantaġġi kompetittivi ewlenin ta’ pajjiżna kienu minħabba is-sistema tat-taxxa favorevoli u numru abbundanti ta’ ħaddiema kwalifikati.

Minkejja dan, l-aħħar stħarriġ li sar mid-ditta EY wera illi jeħtieġ b’mod urġenti li tittieħed azzjoni biex nassiguraw li Malta tibqa’ pajjiż attraenti f’għajnejn l-investituri bbażżati lokalment… u oħrajn li qed ifittxu li jirrikolaw f’pajjiżna.

Is-survey wera li Malta mhijiex preparata għat-tkabbir fil-popolazzjoi fil-futur qrib. Fi kliem ieħor pajjiżna ma jistax jiddependi mit-tkabbir tal-popolazzjoni biex jiġġenera l-ekonomija; minħabba infrastruttura fiżika inadegwata.

Ronald Attard il-managing partner ta’ EY Malta jsostni li għalkemm il-maġġoranza tal-investituri jaraw lil Malta bħala pajjiż attraenti xorta jibqa’ l-fatt li in-numri mhumiex għoljin meta kkumparati ma’ ftit taż-żmien ilu.

L-editorjal jisħaq li l-Gvern ftit li xejn wera rieda fil-Budget biex ibiddel il-mudell ekonomiku. Bir-riskju li numru ta gradwati ikomplu jitilqu mill-pajjiż.

Riskju ieħor li l-investituri barranin identifikaw huwa r-reputazzjoni ta’ Malta; reputazzjoni li ila sejra ħażin u li diffiċli tirkupra.

L-istess investituri li ħadu sehem fis-survey tal-EY sostnew li hemm bżonn li Malta tiżviluppa setturi ekonomiċi ġodda biex tibqa kompettitiva globalment. Għalhekk l-editorjal jisħaq li hemm bżonn b’mod urġenti pjan ta’ azzjoni li jidentifika x’jeħtieg li jsir u ż-żmien li fih għandhom jiġu implimentati l-bidliet neċċessarji. Dan filwaqt li hemm bżonn li jkun ir-rieda politika u l-kompetenza. Bl-editur jinsisti li l-mudell ekonomiku l-ġdid irid imur lil hinn minn bidliet żgħar li huma insinifikanti.