Lokali

Id-dritt tal-pubbliku li jappella permessi tal-ippjanar mhedded mir-riforma ssuġġerita

Bħala rispons għal eżerċizzju ta’ konsultazzjoni pubblika attwali rigward is-sospensjoni awtomatika ta’ permessi tal-iżvilupp waqt appell, diversi għaqdiet issottomew b’mod konġunt il-kummenti tagħhom dwar l-emendi proposti.

Ta’ tħassib kbir għall-għaqdiet kien il-fatt li fost il-proposti tad-dokument ta’ riforma wieħed seta’ jinnota li d-dritt tal-appell jinsab taħt theddida. Id-dokument bl-emendi proposti jgħid li l-appelli jridu jkunu “marbuta ma’ oġġezzjonijiet li jkunu diġà ġew sottomessi lill-Awtorità tal-Ippjanar qabel ma ġiet deċiża l-applikazzjoni.

L-għaqdiet jittamaw li dan mhux xi tentattiv min-naħa tal-Gvern biex jipprova jirrestrinġi d-dritt tal-pubbliku biex jappella billi jimponi li l-oġġezzjonijiet jridu jkunu bbażati fuq raġunijiet tekniċi u legali żżejjed, speċjalment fid-dawl li l-perjodu li fih wieħed jista’ joġġezzjona huwa biss ta’ 30 jum, u għalhekk il-pubbliku jsib ruħu ristrett minn żmien limitat biex jikkonsulta ma’ esperti legali u tal-ippjanar sabiex ikun jista’ jissottometti oġġezzjonijiet li jissodisfaw kriterji tekniċi ħafna.

Barra dan, jekk toħroġ informazzjoni ġdida marbuta mal-applikazzjoni wara li l-oġġezzjoni tkun ġiet sottomessa, jew jekk iseħħu xi żviluppi ġodda marbuta mal-applikazzjoni li l-parti interessata ma tkunx taf bihom, jew li ma kellhiex iċ-ċans toġġezzjona għalihom, il-parti interessata essenzjalment ma tkunx tista’ tissottometti appell abbażi ta’ dawn ir-raġunijiet il-ġodda.

L-għaqdiet qed jisħqu li din il-proposta jeħtieġ li tiġi ċċarata sabiex ma twassalx f’emenda leġiżlattiva li xxekkel l-aċċess tal-pubbliku għall-ġustizzja. L-appelli m’għandhom bl-ebda mod jkunu ristretti għar-raġunijiet imniżżla f’oġġezzjoni li tkun ġiet sottomessa waqt il-perjodu miftuħ għall-oġġezzjonijiet.

Barra minn hekk, hija wkoll ta’ tħassib il-proposta li t-Tribunal se jkun jista’ jagħmel użu minn parametri aħjar biex jimponi multi sabiex jiskoraġġixxi u jillimita “appelli frivoli u vessatorji” għax din tista’ tintuża b’mod abbużiv biex d-dritt tal-appell jiġi ristrett.

Fir-rigward tas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tax-xogħlijiet, l-għaqdiet ilhom għal żmien twil jappellaw biex tiddaħħal din l-emenda biex l-eżekubbiltà tal-permessi tiġi sospiża waqt li jkun għaddej appell quddiem it-Tribunal u l-Qorti tal-Appell. Għalhekk, din il-proposta fid-dokument ta’ riforma ġiet milqugħa b’sodisfazzjon peress li kien hemm diversi drabi fejn proġett ta’ żvilupp tlesta waqt li fl-istess ħin kien għadu għaddej l-appell, li wassal biex l-appellanti ġew miċħuda mill-ġustizzja u l-appell ġie ridott għal eżercizzju kożmetiku.

Madankollu, l-għaqdiet qed isostnu li l-perjodu ta’ tliet xhur għas-sospensjoni tax-xogħlijiet huwa qasir wisq biex jilħaq jiġi deċiż l-appell. Dan iż-żmien limitat se jitfa’ pressjoni kbira fuq it-Tribunal, l-appellanti u x-xhieda. L-istess tħassib japplika wkoll għall-iffissar ta’ limitu ta’ żmien għall-Qorti tal-Appelli biex tiddeċiedi dwar appelli tal-ippjanar.

L-għaqdiet qablu li l-proposta li jiġi impost limitu ta’ żmien ta’ xahar fil-każ ta’ appell għal applikazzjoni li l-Ministru jiddikjara li ġġorr sinifikanza strateġika jew hija ta’ interess nazzjonali, b’rabta ma’ xi obbligu li joħroġ mill-Att tal-Unjoni Ewropea, li taffettwa s-sigurtà nazzjonali jew taffettwa l-interessi tal-Gvern, hija assurda, inġusta, u kontra l-interessi tal-appellanti. Appelli bħal dawn ġeneralment ikunu ħafna aktar tekniċi u jkunu jeħtieġu xhieda esperti, riżorsi u appellanti konvinċenti. Li dan kollu jsir f’xahar huwa prattikament impossibbli.

L-għaqdiet inkwistjoni esprimew it-tħassib kbir tagħhom fir-rigward ta’ restrizzjonijiet fuq id-dritt tal-appell u tennew li kwalunkwe tentattiv biex ikun hemm xkiel fl-aċċess tal-pubbliku għall-ġustizza u fir-reviżjoni ta’ deċiżjonijiet amministrattivi se jsib reżistenza ħarxa.