Lokali Qorti

Il-Ġudikatura tattakka l-‘fallimenti persistenti’ tal-awtoritajiet u twissi li s-sistema tinsab qrib ‘kollass’

L-Assoċjazzjoni tal-Ġudikatura Maltija attakkat il-“fallimenti persistenti” tal-awtoritajiet biex jindirizzaw il-problemi li qed jiffaċċaw il-ħaddiema u problemi oħra fil-qorti, u wissiet li s-sistema tinsab f’“xifer ta’ kollass”.

Fi stqarrija miktuba b’mod punġenti, wissiet li sakemm l-Imħallfin u l-Maġistrati ma jingħatawx riżorsi adegwati u ħaddiema kompetenti, il-ġudikatura “mhux se tkun f’pożizzjoni li tagħti ġustizzja fi żmien raġonevoli”.

L-assoċjazzjoni laqgħet il-ħatra ta’ tliet imħallfin ġodda nhar l-Erbgħa iżda rrimarkat li din il-mossa effettivament iżżid in-numru ta’ mħallfin b’wieħed hekk kif tnejn għandhom jirtiraw f’Novembru. Hija lmentat li l-“istruttura tal-pagi mhux attraenti” offruta mill-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qorti kienet qed tonqos milli tattira ħaddiema kompetenti u mħarrġa sew.

U wissiet li għalkemm għaddejjin xogħlijiet biex jiżdied l-ispazju, dawn kienu qed jissuddividu l-ispazji eżistenti f’oħrajn iżgħar, u dan iwassal biex il-bini jiġi ffullat aktar. “L-Assoċjazzjoni tilmenta n-nuqqas persistenti tal-awtoritajiet li jindirizzaw, bi pjan fit-tul, il-problemi akuti fi ħdan il-Qrati, liema problemi issa huma ferm lil hinn minn livell aċċettabbli.

“Tant li qegħdin f’xifer il-kollass, li meta wieħed iqis iż-żieda fil-popolazzjoni u l-ammont ta’ xogħol tal-Qrati, sakemm l-awtoritajiet ma jinvestux bis-serjetà f’ħaddiema kompetenti u riżorsi adegwati, il-Ġudikatura qatt ma tkun tista’ tipprovdi s-servizz li huma mitluba u mistennija li jipprovdu,” hija qalet.

Ingħad ukoll li biex isservi l-ġustizzja fi żmien raġonevoli, il-ġudikatura kellha bżonn riżorsi “li fil-preżent, l-awtoritajiet qed jonqsu milli jipprovdu”. Numru ta’ persuni f’karigi għolja fil-Qorti li tkellmu ma’ NET News qalulna li f’dawn l-aħħar snin ġew impjegati diversi ħaddiema mingħajr ħiliet fil-Qorti, post tax-xogħol li huwa delikat ħafna u li wieħed għandu bżonn ċertu livell, iżda ż-żieda fil-ħaddiema saret bis biex il-Ministri b’daqqa ta’ pinna jimpjegaw nies biss għal vot u xejn aktar.

Sadanittant persuni kompetenti qed jitilqu mill-Qorti u jsibu mpieg ieħor għax mhux biss ma jistgħux jaħdmu, imma l-inkompetenza fis-sistema tagħha u n-nuuqas ta’ spazju u ż-żieda fix-xogħol qed toħloq inkonvenjent kbir għalihom.