Il-kelliema tal-grupp terroristiku Hamas stqarrew ċar u tond li l-priorità tagħhom fil-gwerra ma’ Iżrael tinvolvi l-‘ġenoċidju tal-Lhud’ u li t-terroristi se jkomplu jiġġieldu sakemm jirrealizzaw dan it-tragward.
Il-kelliem ewlieni Ghazi Hamad qal ukoll li l-Hamas mhu se jonora qatt kwalunkwe ftehim għal paċi ma’ Iżrael u beħsiebu jkompli bil-ġiħad (gwerra qaddisa) ‘sakemm l-Istat Iżraeljan ma jeżistix aktar’.
Il-Hamas qal ukoll li l-attakki storiċi tas-7 ta’ Ottubru li fihom spiċċaw immassakrati aktar minn 1,400 persuni, inklużi familji sħaħ, huma biss il-bidu ta’ gwerra aktar intensiva fuq il-Lhud.
Ghazi Hamad, fil-fatt, qal li l-Hamas beħsiebu jwettaq aktar attakki ta’ dan it-tip kontra l-komunitajiet Iżraeljani man-naħa l-oħra tal-fruntiera filwaqt li enfasizza li l-imwiet fost il-Palestinjani mhumiex se jżommu lill-Ħamas milli jilħaq il-miri stabbiliti.
Hamad sostna li, waqt li l-militar Iżraeljan qed jokkupa z-zoni f’Gaza, mhu se jkun hemm l-ebda ftehim għal waqfien mill-ġlied u li l-grupp terroristiku tiegħu ‘jinsab lest biex jissagrifika l-martri’ bħala parti minn kawża li huwa fisser bħala waħda ġustifikata.
L-Iżraeljani, fil-preżent, qed ikomplu bl-attakki intensivi – bl-ajruplani u t-truppi – fuq l-infrastruttura terroristika tal-Ħamas.Dan fost rapporti li qed isiru l-battalji qalb il-labirint tal-mini taħt l-art li t-terroristi bnew biex iwettqu l-azzjonijiet terroristiċi fl-artijiet ta’ Iżrael.
Iżda l-akbar battalji mal-Hamas – li qed jinvolvu t-tankijiet u l-ajruplani tal-gwerra tal-Iżraeljani – kienu qed isiru fuq diversi fronti lejn it-Tramuntana ta’ Gaza. L-Iżraeljani, intant, qalu li qed jagħmlu minn kollox biex jimminimizzaw it-telf ta’ ħajja fost iċ-ċivili Palestinjani li tal-Hamas ma ħallewhomx jitilqu mill-inħawi.
L-indikazzjonijiet huma li l-militar Iżraeljan qed jagħmel il-progress bl-inkursjonijiet qalb it-terrotorji tal-għedewwa fost rapporti li s-suldati – almenu sal-bieraħ – kienu qrib ħafna l-Belt ta’ Gaza.
Madankollu mhemmx dubju li fadal il-ġranet u ġimgħat ta’ ġlied feroċi mat-terroristi fanatiċi li mhumiex se jċedu pulzier u li jistgħu anki jużaw il-mini għal attakki oħra fuq Iżrael.
//= $special ?>