Il-Papa Franġisku mill-ġdid esprima niket għat-traġedja umana li qed tiżviluppa minn jum għal jum fil-Lvant Nofsani fost appell biex tinstab soluzzjoni bażata fuq il-kunċett taż-żewġ Stati – Iżrael u l-Palestina.
Il-Kap tal-Kattoliċi – waqt intervista rari lill-Istazzjon tat-Televiżjoni Rai — qal li l-poplu Iżraeljan u l-Palestinjani jridu jitgħallmu jgħixu ma’ xulxin u esprima tamiet profondi li l-gwerra attwali bejn l-Iżraeljani u l-Ħamas ma teskalax b’mod li tkopri r-reġjun sħiħ tal-Lvant Nofsani.
Il-Papa Franġisku fakkar fl-ottimiżmu li qanqlu l-Ftehim ta’ Oslo tad-disgħinijiet, li dehru bħala pass importanti lejn il-ko-eżistenza bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani — u li taw anki status speċjali lill-belt ta’ Ġerusalemm. Il-Ftehim kienu ffirmati fl-Istati Uniti, f’Settembru tal-1993, bejn l-eks Prim Ministru Iżraeljan Yitzhak Rabin u l-eks Kap tal-PLO, Yasser Arafat.
Intant, il-Papa fakkar ukoll li Iżrael, dak iż-żmien, kien aċċetta lill-PLO bħala r-rappreżentant tal-Palestinjani waqt li l-PLO warrab għat-terroriżmu filwaqt li rikonoxxa d-dritt ta’ Iżrael li jeżisti fil-paċi.
Iż-żewġ naħat qablu wkoll dwar it-twaqqif ta’ Awtorità Palestinjana biex tassumi rwol governattiv fix-Xatt tal-Punent u l-Medda ta’Gaza – u meta llum, Gaza hi kontrollata mill-Ħamas li jinsab fi gwerra qalila ma’ Iżrael,
Il-Papa Franġisku issa tenna li Iżrael għandu d-dritt li jiddefendi ruħu kontra l-attakki, għalkemm esprima dubji kbar dwar kemm il-vjolenza għandha ssolvi l-konflitt mal-Palestinjani.
Il-Kap tal-Kattoliċi mill-ġdid ħeġġeġ lin-naħat kollha fil-Lvant Nofsani biex isibu t-triq tad-djalogu, fost il-messaġġ li kull gwerra tfisser telfa għan-naħat kollha involuti. Hu kompla li l-gwerer ma jsolvu xejn, waqt li appella biex in-naħat kollha fil-Lvant Nofsani jsibu t-triq tad-djalogu.
//= $special ?>