“Il-Ministru Jonathan Attard għandu jerfa’ r-responsabbiltà politika għall-kriżi li tinsab fiha s-sistema tal-Ġustizzja f’pajjiżna billi jirriżenja minn Ministru. Wara kważi sentejn mill-ħatra ta’ Jonathan Attard bħala Ministru għall-Ġustizzja, minflok twettaq titjib kif inhu meħtieġ, is-sistema tal-Ġustizzja f’pajjiżna marret għall-agħar u issa tinsab fi kriżi. Jekk il-Ministru Jonathan Attard ma jirriżenjax minn jeddu, għandu jkun il-Prim Ministru li jneħħieh mill-kariga mingħajr aktar dewmien.”
Kien dan li ħareġ minn stqarrija li ħarġet mill-Kelliem għall-Ġustizzja, Karol Aquilina f’isem il-PN, fejn tkompli tgħid li l-Ministru Jonathan Attard falla milli jindirizza l-problemi serji li jeżistu fis-sistema tal-Ġustizzja u spiċċa jwaħħal f’ħaddieħor għall-kriżi li jinsabu fiha l-Qrati ta’ pajjiżna. Iċ-ċittadini u n-negozji Maltin u Għawdxin spiċċaw vittmi tal-falliment tal-Ministru Jonathan Attard u qed ikollhom ibatu huma l-konsegwenza tan-nuqqas ta’ pjanar u investiment biex titjieb is-sistema tal-Ġustizzja f’pajjiżna.
Il-Partit Nazzjonalista jisħaq li hu żball kbir li l-Gvern jibqa’ jqis il-ħatra ta’ aktar Imħallfin u Maġistrati bħala s-soluzzjoni għall-problemi kbar li għandha s-sistema tal-Ġustizzja f’pajjiżna, bl-akbar waħda tkun dik tad-dewmien eżaġerat fis-smigħ tal-kawżi. Imħallfin u Maġistrati mingħajr il-ħaddiema u r-riżorsi meħtieġa ma jistgħux jagħmlu l-mirakli li qed jippretendi mingħandhom il-Ministru għall-Ġustizzja.
Kien fid-dawl ta’ dan li l-PN appella biex il-Ministru għall-Finanzi għandu b’mod immedjat jirrevedi b’mod drastiku l-allokazzjoni finanzjarja għas-settur tal-Ġustizzja f’pajjiżna għas-sena 2024 biex ikun żgurat li kull Imħallef u Maġistrat ikollu assenjati direttament miegħu biżżejjed impjegati li jkollhom il-ħiliet u l-esperjenza meħtieġa biex jassistuhom fit-twettieq tad-dmirijiet tagħhom.
Dan sabiex iwassal għal titjib fil-pagi tal-ħaddiema tal-Aġenzija dwar is-Servizzi tal-Qrati, li tibda tattira lejha aktar persuni li huma ppreparati akkademikament u għandhom għarfien dwar prattiċi legali u proċedurali.
Il-Partit Nazzjonalista jifraħ lit-tliet Imħallfin ġodda, li issa se jibdew jaqdu d-doveri tagħhom fis-sistema tal-Ġustizzja f’pajjiżna.
//= $special ?>