Lokali

Il-Partit Nazzjonalista b’emendi għal Regolamenti dwar il-Liċenzjar tal-Kuntratturi aħjar – PN

“Wara snin sħaħ ta’ tkaxkir tas-saqajn, fejn is-settur tħalla għal riħu, bis-suq isuq u min hu l-aktar b’saħħtu jħawwel, kif ukoll wara numru ta’ inċidenti anke fatali, tnieda l-proċess biex il-kuntratturi fit-twaqqiegħ, fit-tħammil, fl-iskavar u fil-bini jkunu regolati.Dan għax, ladarba l-kuntratturi huma mistennija li jerfgħu r-responsabbiltajiet tagħhom, il-funzjoni tagħhom għanda tkun regolata bħalma hi tal-Periti u ta’ funzjonijiet oħrajn fil-qasam”, sostna dan il-kelliema għall-ipjanar, ir-riċerka u l-innovazzjoni Stanley Zammit.

Wara aktar djalogu mal-partijiet interessati u ma’ numru ta’ individwi, kuntratturi, bennejja u sidien u oħrajn, bis-sehem ukoll tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech u d-Deputati Toni Bezzina, Rebekah Borg, Ryan Callus u Ivan Castillo, il-Partit Nazzjonalista ressaq numru ta’ emendi biex il-proċess tal-Liċenzjar tal-Kuntratturi jitwessa’, ikun aktar ħolistiku, jgħolli l-istandards, itejjeb il-governanza u jżid is-serħan tal-moħħ ta’ dawk kollha involuti fis-settur tal-kostruzzjoni, inkluż terzi, u jikkontribwixxi fil-prattika għal ambjent u kwalità ta’ ħajja aħjar.

Zammit saħaq li il-Partit Nazzjonalista ressaq dawn l-emendi ukoll għax il-Gvern naqas li jikkonsidra b’mod xieraq uħud mis-sottomissjonijiet magħmula, naqas milli jgħatti widen b’mod sħiħ ta’ kull min b’xi mod jew ieħor ipparteċipa fil-proċess ta’ konsultazzjoni u għax jemmen li l-forum u l-lok biex iressaq u jiddiskuti l-proposti dwar l-Atti relatati mal-industrija tal-kostruzzjoni hu l-Parlament.

Fil-proposti tiegħu, il-Partit Nazzjonalista ra li ma jinħolqux strutturi, proċessi jew proċeduri li jservu biss biex iżidu l-burokrazija, l-ispejjeż u t-telf ta’ ħin, kif ukoll li l-proċess ta’ liċenzjar ikun sod, ġust u trasparenti waqt li il-liċenzjatur ikun akkontabbli għad-deċiżjonijiet tiegħu.

Il-Partit Nazzjonalista jemmen li l-liċenzjar għandu jsir minn professjonisti b’esperjenza u b’kompetenzi magħrufa minn qabel u li ma jkunux għadhom jaħdmu fis-settur, filwaqt li dan għandu jsir skont kriterji ċari li għandhom jinkludu ukoll iċ-ċertifikati ta’ compliance mid-Dipartiment tat-Taxxi Interni u l-VAT, kif ukoll validazzjoni minn JobPlus u d-DIER dwar il-permessi u l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema.

Biex kemm il-kuntratturi liċenzjati, kif ukoll il-klijenti, il-periti, l-inġinieri, il-ħaddiema tal-liċenzjat u l-persuni terzi jkollhom is-serħan tal-moħħ, il-Partit Nazzjonalista qed jitlob li għandu jkun obbligatoru li l-kuntratturi jkunu koperti wkoll b’polza ta’ assigurazzjoni għal kull riskju, Contractors’ All Risk (CAR), ikollhom polza ta’ assigurazzjoni Employers’ Liability u jkollhom polza li tkopri Public Liability għall-perjodu sħiħ ta’ responsabbiltà.

Il-Partit Nazzjonalista jaspira li din ir-riforma timmira għal integrità, serjetà, kwalità u standards għoljin fl-operat u għalhekk, il-kuntratturi għandhom ikunu kklassifikati skont l-esperjenza, l-ammont ta’ impjegati, l-għarfien, il-ħiliet u l-attitudni, kif rifless fl-imġieba tagħhom fl-industrija, inkluż fir-rispett lejn l-ambjent, fil-qasam soċjali u fil-governanza tajba. Din is-sistema għandha tkun sostnuta b’aġġornament kontinwu tal-iStandards Okkupazzjonali Nazzjonali (NOSs) u bil-ħruġ tal-iSkills Cards, li jirriflettu l-oqsma kollha tas-settur. Dan kollu jikkontribwixxi b’mod prattiku għas-serħan tal-moħħ u kwalità ta’ ħajja aħjar.

L-industrija tal-bini u l-kostruzzjoni jenħtieġ li tkun modernizzata b’mod ħolistiku u għalhekk, l-introduzzjoni tal-liċenzjar tal-kuntratturi m’għandhiex tieqaf biss sal-bini, iżda tkun tinkludi wkoll il-finitura u servizzi oħrajn.

Il-Partit Nazzjonalista hu kommess li jibqa’ jaħdem fuq dan il-proċess bħala parti minn riformi konsistenti u gradwali, kif ukoll bħala parti minn pjan ħolistiku li l-industrija ilha snin tenħtieġhom u titlob għalihom.

Il-Partit Nazzjonalista se jkompli jfittex u jħares lejn komunikazzjoni effettiva, trasparenza, kontabbiltà u governanza tajba fl-industrija u fis-sit tal-kostruzzjoni li jagħtu valur akbar lis-settur tal-bini u l-kostruzzjoni, li jnisslu l-fiduċja tal-pajjiż fl-istess industrija u jtejbu b’mod effettiv il-kwalità tal-ħajja.