Futbol Sport

Il-UEFA tordna li l-partita bejn is-Serbja u l-Bulgarija tintlagħab mingħajr partitarji

Il-UEFA ordnat lis-Serbja biex tilgħab l-aħħar logħba ta’ kwalifikazzjoni f’darha għall-Kampjonat Ewropew fi stadium vojt.

L-għola awtorità tal-futbol Ewropew tat ukoll multa ta’ €90,000 lill-Assoċjazzjoni tal-Futbol Serba, ​​għall-imġieba ħażina mill-partitarji waqt partita ta’ kwalifikazzjoni għall-Euro 2024 kontra l-Montenegro fis-17 t’ Ottubru li għadda.

Id-deċiżjoni tfisser li s-Serbja se tilgħab il-logħba tagħha ta’ kwalifikazzjoni għall-Euro 2024 mingħajr partitarji meta tospita lill-Bulgarija fid-19 ta’ Novembru li ġej.

L-FA Serba immedjatament qalet li se tappella “bl-użu tal-mezzi legali kollha” kontra s-sanzjoni fejni se tkun qed titlob għall-postponiment tad-deċiżjoni biex il-partitarji joħolqu atmosfera mill-isbaħ fl-istadium ġdid ta’ Leskovac.

Is-Serbja ġiet immultata total ta’ €144,250 għal imġieba ħażina mill-partitarji fl-aħħar żewġ logħbiet tagħha.

Il-federazzjoni tal-futbol tal-Montenegro wkoll ġiet ikkastigata b’akkuża ta’ “imġieba razzista” fl-istess logħba f’Belgrad meta dakinhar is-Serbja rebħet 3-1.

Il-UEFA qalet li n-numru ta’ partitarji wkoll kien ristrett meta s-Serbja ospitat lill-Ungerija f’Settembru.

Il-federazzjoni Serba ffaċċjat akkużi oħra inklużi “nuqqas li tieħu azzjoni kontra bejjiegħa tal-biljetti foloz” u trid tħallas multi li jammontaw għal kważi €90,000.

Il-federazzjoni tal-Montenegro trid tħallas lill-UEFA €20,000 u ma tistax tbigħ biljetti lill-partitarji għall-logħba ta’ kwalifikazzjoni fl-Ungerija fid-19 ta’ Novembru.

Iċ-champions Skoċċiżi Celtic ipprojbixxa wieħed mill-gruppi ta’ partitarji tiegħu aktar kmieni din il-ġimgħa talli kkoordina messaġġi favur il-Palestina fil-logħba kontra Atletico Madrid mill-UEFA Champions League, sabiex ikun antiċipat intervent mill-UEFA.

Celtic diġà ġew immultati darbtejn mill-UEFA dan l-istaġun minħabba imġieba inaċċettabbli minn grupp ta’ season tickets holders, magħrufa informalment bħala l-Green Brigades.