Novembru huwa x-xahar sinonimu maż-żjarat fiċ-ċimiterji madwar il-pajjiż – mument ta’ ħafna memorji, dieqa għal bosta, kif ukoll tifkiriet mill-isbaħ tal-għeżież tagħna li ħallew din id-dinja. U l-ġurnata tal-Ħamis ma kinitx nieqsa minn dawn l-emozzjonijiet, li jinħassu qawwija ferm biswit kull ċimiterju; biż-żjarat tan-nies ma jonqsux – min ipoġġi xi bukkett tal-fjuri, u min b’xi xemgħa f’idu bħala sens ta’ rispett u simbolu tal-memorji li tibqa’ ħajja fil-qalb.
Il-Knisja Kattolika tirreferi għal din il-ġurnata bħala l-Għid tal-Erwieħ, b’quddies solenni ċċelebrat fil-Knejjes madwar Malta u Għawdex.
Net News kien preżenti fil-kappella tal-Madonna tal-Ħniena f’Ħaż-Żabbar fejn saret quddiesa mill-Arċipriet Dun Roderick Camilleri biex jitfakkru l-mejtin kollha.
Iċ-ċelebrant fl-omelija tiegħu saħaq li din il-ġurnata tfakkarna wkoll li għandna missier li jieħu ħsiebna u li jrid jagħtina il-ħajja ta’ dejjem permezz tal-fidi tagħna. Huwa qal li permezz tat-talb aħna insaħħu l-fidi tagħna u nsibu t-tama f’Ġesu u għalhekk il-biża tagħna għal-mewt ma tibqax biża’ imma grazzja li nagħrfu li d-destinazzjoni tagħna hija fid-dar tal-missier.
Matul ix-xahar ta’ Novembru, ikunu diversi l-persuni li jmorru ċ-ċimiterju jpoġġu fjuri u xemgħat fil-post fejn hemm midfuna qraba jew ħbieb tagħhom. U l-ġurnata tat-2 ta’ Novembru b’mod partikolari baqgħet parti mit-tradizzjoni …tant li f’dan il jum ikunu bosta dawk li jżuru iċ-ċimiterju għal waqfa qasira, partikolarment iċ-ċimiterju tal-Addolorata.
//= $special ?>