Id-dilettanti tal-mużika madwar id-dinja qed jgħixu ‘sitwazzjoni surreali’ wara li ħarġet diska ġdida ta’ The Beatles – is-supergroup minn Liverpool – li kienet rekordjata qabel il-qtil ta’ John Lennon fl-1980.
Il-kanzunetta ‘Now and Then’ qed tissemma lill-pubbliku bħala ‘new release’ u bħala parti mill-materjal li l-‘Fab 4’ kienu rekordjaw qabel infirdu f’April tal-1970…Materjal li kien ilu dan iż-żmien kollu miżmum qalb l-arkivji tal-mużika ta’ dan il-grupp.
Qabel ‘Now and Then’, kien hemm furur kbir ieħor meta, fl-1995 u l-1996, kien ħarġu l-kanzunetti ‘ġodda’ ta’ The Beatles bl-isem Free as a Bird u Real Love…Kanzunetti li ngħataw pubbliċità kbira u air-play kontinwu madwar id-dinja.
Intant, il-kanzunetta ‘Now and Then’ tibbaża fuqa demo tape li kien għamel John Lennon, bil-kontribuzzjonijiet tal-Beatles oħrajn, Paul McCartney, George Harrison u Ringo Starr.
McCartney, Ringo Starr u Harrison (illum mejjet), f’nofs id-disgħinijiet, kienu ħadmu fuq il-kanzunetta ‘Now and Then’ għall-proġett The Beatles Anthology – iżda d-demo tape ta’ Lennon kellu l-kumplikazzjonijiet li, dak iż-żmien, għamluha impossibbli biex it-track ikun inkluż fl-‘Anthology’.
Madankollu, il-problema kienet solvuta minn Peter Jackson, id-direttur u produttur tas-sensiela tal-films ‘Lord of the Rings’ li, grazzi għall-kapaċitajiet tekniċi tiegħu fuq id-dokumentarju (ta’ The Beatles) ‘Get Back’, irnexxielu ‘jiżola’ l-vuċi ta’ Lennon għall-‘mixing mill-ġdid’ tad-diska.
Il-ħidma fuq ‘Now and Then’ kienet konkluża minn Paul McCartney u Ringo Star li inkorporaw anki d-daqq tal-kitarra ta’ George Harrison li kien irrekordjat waqt is-sessjonijiet fl-istudjo tas-snin disgħin.
//= $special ?>