Lokali Qorti

Mara twaqqa’ lment ta’ vjolenza domestika kontra żewġha: ‘Ma rridx nibgħatu l-ħabs’

Mara li sofriet ġrieħi ħfief meta żewġha, li kien xurban żamm sikkina ma’ gedduma waqt argument, irtirat l-ilment tagħha meta r-raġel tressaq il-Qorti, u b’hekk il-każ twaqqa’. Il-qorti wkoll ma setgħetx timponi ordni ta’ trażżin jew miżuri protettivi oħra bħala riżultat.

Din ix-xena hija waħda ripetuta ta’ spiss f’każijiet ta’ vjolenza domestika, fejn vittmi f’relazzjonijiet abbużivi jew vjolenti, għal varjetà ta’ raġunijiet, jibdlu fehmiethom dwar li jsegwu proċeduri kriminali meta s-sieħeb tagħhom jiġi akkużat.

L-Ispettur Omar Zammit il-Ħamis ressaq lir-raġel ta’ 55 sena minn Ħal Qormi quddiem il-Maġistrat Victor Axiak, fuq akkużi ta’ vjolenza domestika u ġrieħi ħfief. Il-mara kienet marret għand il-pulizija meta żewġha kien wasal id-dar fis-sakra u żamm sikkina ma’ għonqha, u saħansitra barxilha geddumha, spjega l-Ispettur.

Iżda l-avukat difensur Nicholas Mifsud qal lill-Qorti li kien infurmat li l-vittma ma riedx tkompli bil-każ. Il-mara hawn issejħet fil-pedana tax-xhieda. “Meta jkun f’sikktu, jkun raġel għal mitt darba, imma meta jixrob isir persuna differenti… Nibża’ daqsxejn minnu. Imma ma rridx li jmur il-ħabs,” hija qalet.

Riedet li l-imputat jgħix x’imkien ieħor, qalet il-mara. “Ma rridx inkun krudili miegħu u nibgħatu l-ħabs, imma din il-ħaġa miegħu li jisker issir kull lejl… Ma nistax inkompli nibqa’ sejra hekk.” Il-mara kompliet tinsisti li twaqqa’ l-ilment kriminali, anke wara li l-Maġistrat irrimarka li kieku tagħmel hekk, il-qorti ma tkunx tista’ timponi miżuri protettivi.

Lill-Qorti ngħad ukoll li l-imputat kien se jitlaq mid-dar matrimonjali b’effett immedjat. Wara li kkonsultat mal-liġi, il-qorti ddikjarat li l-proċeduri kienu estinti. L-avukat Nicholas Mifsud kien avukat difensur, filwaqt li l-avukat Mario Mifsud deher għall-vittma.