Appell biex il-Gvern jagħti direzzjoni lill-pajjiż
Hemm bżonn ta’ direzzjoni – il-Gvern irid jgħidilna fejn irid jeħodna f’dak li għandu x’jaqsam bidla fil-mudell ekonomiku.
Sostna dan il-President tal-Kamra tal-Intrapriżi Żgħar u Medji Paul Abela l-Ħamis filgħodu f’kummenti li ta lil Net News waqt il-konferenza organizzata mill-Kamra tal-SMEs…fejn l-istess Abela spjega kif il-Ministru Clyde Caruana qalilhom li huma n-negozji nfushom li jridu jbidlu l-ekonomija.
Madanakollu, il-President taċ-Chamber insista li mhux il-baħrin jiddeċiedu liema direzzjoni jieħu l-vapur – iżda l-Kaptan.
Paul Abela sostna li bħal għaxar snin ilu, hawn sentiment li l-pajjiż jeħtieġlu bidla fid-direzzjoni; bħalma xehed ukoll l-istħarriġ imwettaq mill-istess Kamra illi wera li 80% tal-parteċipanti jemmnu li l-Gvern qabad direzzjoni ħażina.
Filwaqt li bħall-Partit Nazzjonalista, il-President tal-Kamra tal-SMEs faħħar il-fatt li l-Gvern baqa’ jissusidja l-enerġija u ċ-ċereali, deskritta bħala mossa essenzjali, huwa insista li l-intrapriżi żgħar u medji ma jistgħux jiġu minsija.
Intant, Paul Abela kkundanna s-sentiment li hawn fit-tmexxija tal-pajjiż kontra n-negozji daqslikieku huwa tort tagħhom li qed jiżdiedu l-prezzijiet. Huwa stqarr li kawża taż-żieda tal-COLA kif ukoll tal-paga minima huwa inevitabbli li l-prezzijiet se jkomplu jiżdiedu.
Dan filwaqt li għal darb’oħra kkundanna l-aġir tal-MEP Laburista Alex Agius Saliba illi ħa lin-negozji Maltin u Għawdxin quddiem il-Kummissjoni Ewropea meta seta bl-aktar mod liberu u korrett jieħu s-suġġett quddiem l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur.
Paul Abela sostna li mhux sew li l-Prim Ministru f’uħud mid-diskorsi tiegħu qiegħed jimplika li hawn negozji li qed japprofittaw billi jżidu l-prezzijiet… u insista li dan mhux minnu.
//= $special ?>