Lokali Qorti

Preskritt każ tal-1999 b’rabta ma’ attentat ta’ serq f’ħanut tad-deheb f’Għawdex

Każ b’rabta ma’ attentat ta’ serqa minn ħanut tad-deheb fil-Fontana Għawdex li allegatament kien seħħ fl-4 ta’ Novembru tal-1999 ġie preskritt fejn id-dewmien esaġerat fejn l-aħħar darba li t-tliet akkużati ġew notifikati b’xi att tal-kawża, f’dan il-każ bin-notifika għas-seduta li jmiss kien propju fit-23 ta’ Ġunju 2011.

Frank Calleja li llum għandu 54 sena, u li fl-1999 kien residenti l-Imġarr, Mario Spiteri ta’ 47 sena, li kien joqgħol l-Imtarfa u Jason Paul Grima ta’ 53 sena, residenti l-Wardija kienu ġew mixlijin li 24 sena ilu, għall-ħabta tal-10:00pm, fil-Fontana Għawdex, kellhom il-ħsieb li jikkommettu serq minn ħanut tad-deheb fi Pjazza l-Għejjun, Fontana.

L-akkuża kienet tgħid li liema delitt ma ġiex eżegwit minħabba xi ħaġa aċċidentali u indipendenti
mill-volonta tagħhom, u liema delitt kieku ġie kkunsmat kien ikun ikkwalifikat bil-mezz, valur li jaċċedi l-LM1,000, (2.333 euro).

Huma kienu ġew mixlija wkoll li l-istess data, ħin, lok u ċirkostanzi volontarjament ħassru, għamlu ħsara jew għarrqu ħwejjeġ ħaddieħor mobbli jew immobbli, liema ħsara tammonta għal aktar minn Lm10 (23 euro) iżda lanqas minn Lm50 (116-il euro), għad-dannu tal-propjetarju.

Huma kienu ġew mixlijin ukoll li fil-lejl ta’ bejn it-2 t-3 ta’ Novembru, 1999, fil-Pietà kkommettew serq ta’ vann tal-marka Toyota u li fl-4 ta’ Novembru 1999, u fil-jiem ta’ qabel din id-data, laqgħu għandhom jew xtraw ħwejjeġ misruqa, meħuda b’qerq jew akkwistati b’reat, jew xjentement b’kull mod li ndaħħlu biex ibiegħuhom jew imexxuhom.

Akkuża oħra kienet tgħid li fl-4 ta’ Novembru 1999, filgħaxija, f’diversi lokalitajiet f’Għawdex, naqsu milli jobdu l-ordnijiet leġittimi tal-Pulizija. Jason Paul Grima waħdu kien ġie akkużat ukoll talli fl-istess data,
lok u ħin, f’diversi lokalitajiet f’Għawdex, saq vettura b’manjiera perikoluża u traskurata.

Mario Spiteri waħdu, kien ġie mixli talli fl-4 ta’ Novembru, 1999, għall-ħabta tal-11p.m. fix-Xagħra, Għawdex, inġurja jew hedded jew għamel offiża fuq il-persuni tal-Ispettur Antonello Grech, is-Surġenta
Josephine Camilleri, u l-Kuntistabbli Alfred Grech, Joe Piscopo, Mario Cordina, Joseph Micallef u Joseph Galea, waqt li kienu qed jagħmlu dan is-servizz, bil-ħsieb li jbeżżagħhom.

Il-Maġistrat Leonard Caruana qal din is-sentenza titratta biss l-eċċezzjoni tal-preskrizzjoni mressqa mill-akkużati waqt is-seduta tat-3 ta’ April 2023. Qal li l-akkużati tressqu l-Qorti fis-6 ta’ Novembru 1999 akkużati b’allegati reati li seħħew bejn it-2 u l-4 ta’ Novembru 1999.

Fit-2 ta’ Diċembru 1999, il-kumpilazzjoni reġgħet bdiet mill-bidu stante li l-prosekuzzjoni talbet korrezzjoni fiċ-ċitazzjoni. Fis-seduti tat-2 ta’ Diċembru 1999 u tal-14 ta’ Jannar 2000 il-prosekuzzjoni ressqet numru konsiderevoli ta’ provi.

Jidher li mill-14 ta’ Jannar 2000 sad-09 ta’ April 2002 ma ġie reġistrat ebda progress fl-andament tal-kumpilazzjoni għal diversi raġunijiet attribwibbli kemm lill-prosekuzzjoni kif ukoll lill-akkużati. Fid-9 ta’ April 2002 il-prosekuzzjoni kompliet tressaq aktar provi.

Jidher li mid-9 ta’ April 2002 sad-29 ta’ Ottubru 2008 ma ġie reġistrat ebda progress. Fid-29 ta’ Ottubru 2008 inqraw l-Artikoli mibgħuta mill-Avukat Ġeneral. Mid-29 ta’ Ottubru 2008 sal-14 ta’ Mejju 2010 ma ġie reġistrat ebda progress.

Fis-seduta tal-14 ta’ Mejju 2010 l-akkużati Frank Calleja u Mario Spiteri ddikkjaraw li m’għandhomx provi xi jressqu. Fis-7 ta’ Diċembru 2011, il-Qorti bagħet il-kawża sine die minħabba li ma kien qed jiġi reġistrat ebda progress. Il-kawża reġgħet ġiet appuntata minn din il-Qorti għat-22 ta’ Settembru 2022. U fis-seduta tat-3 ta’ April 2023, id-difensuri tal-akkużati talbu l-preskrizzjoni tal-akkużi.

Il-Qorti kkunsidrat li mill-atti proċesswali jirriżulta li l-aħħar darba li l-akkużati kienu preżenti għall-proċeduri, kien fit-23 ta’ Ġunju 2011. Fis-seduti sussegwenti tat-22 ta’ Lulju 2011 u tal-21 ta’ Ottubru 2011 l-akkużati ma dehrux filwaqt li fis-seduta tas-7 ta’ Diċembru 2011, u l-Qorti iddiferiet il-proċeduri sine
die.

Għall-finijiet ta’ din is-sentenza, u abbażi tal-proċedura solita illi l-akkużati jiġu notifikati seduta stante minn seduta għall-oħra, il-Qorti sejra tassumi illi l-aħħar darba li l-akkużati ġew notifikati b’xi att tal-kawża (f’dan il-każ bin-notifika għas-seduta li jmiss) kien propju fit-23 ta’ Ġunju 2011.

Bl-applikazzjoni tal-Artikolu 693(3) tal-Kap. 9 tal-Liġijiet ta’ Malta, il-Qorti qed tiddikjara illi l-preskizzjoni fil-konfront tar-reati odjerni inkisret fit-23 ta’ Ġunju 2011. Mill-eżami li l-Qorti għamlet fir-rigward tal-pieni applikabbli f’każ ta’ sejbien ta’ ħtija għar-reati dedotti kontra l-akkużati jirriżulta li l-aktar perjodu preskrittiv twil huwa dak ta’ 10 snin.

Dan ifisser li dan il-perjodu preskrittiv immatura fit-23 ta’ Ġunju 2021, jiġifieri 10 snin wara l-aħħar darba li nkisret il-preskrizzjoni. Għaldaqstant, għal dawn il-motivi, il-Qorti qalet li qed tilqa’ l-eċċezzjoni tal-preskrizzjoni mogħtija mid-difiża fis-seduta tat-3 ta’ April 2023 u qed tiddikjara l-proċeduri odjerni bħala preskritti.