Lokali Parlament

Propost ġnien għal Jean Paul Sofia fejn miet f’Kordin

Ritratt: Matthew Tabone


Il-familja ta’ Jean Paul Sofia, li miet f’sit tal-kostruzzjoni f’Kordin f’Diċembru 2022, qed tipproponi li jsir ġnien fil-post fejn seħħet it-traġedja.


Dan jirriżulta minn tweġiba parlamentari li l-Prim Ministru Robert Abela fil-parlament. Kienet id-deputat Nazzjonalista Graziella Attard Previ li staqsiet lill- Prim Ministru biex jgħid jekk hemmx xi pjan biex ikun hemm monument għal Jean Paul Sofia li jkun iddedikat għall-vittmi kollha tal-kostruzzjoni u simbolu kontra r-regħba u l-egoiżmu li teqred ħajjet in-nies


Il-Prim Ministru wieġeb li l- familja ta’ Jean Paul Sofia kienet esprimiet ix-xewqa li fuq is-sit tal-inċident isir ġnien. Hu qal li l-Gvern huwa miftuħ għal din l-idea.


Is-sit fejn seħħet it-traġedja f’Kordin hu propjetà tal-gvern u jinsab fiċ-ċentru tal-inkjesta pubblika li qed issir dwar dan l-inċident fatali.


L-inkjesta pubblika qed issir wara pressjoni kbira mis-soċjetà u wara mozzjoni li kien ressaq il-PN fil-parlament. Il-gvern kien ivvota kontra inkjesta pubblika iżda l-Prim Ministru kien bidel il-pożizzjoni tiegħu u aċċetta li ssir inkjesta pubblika. Dan wara kritika kbira li l-gvern u hu bħala prim ministru kienu ffaċċjaw kemm fis-soċjetà kif ukoll mill-istess familja ta’ JEan Paul Sofia fil-parlament u barra l-parlament.