Lokali

RAPPORTI: Silvio Grixti interrogat mill-Pulizija dwar l-iskandlu tal-benefiċċji

L-eks Deputat tal-Labour interrogat għat-tieni darba

Il-Ħamis waranofsinhar l-eks Deputat Laburista Silvio Grixti ġie imsejjaħ fid-Depot tal-Pulizija fejn ġie interrogat dwar l-iskandlu tal-benefiċċji soċjali.

Dan ġie żvelat mill-gazzetta Malta Today fejn spjegaw li Grixti ġie mitkellem mill-Pulizija b’rabta ma’ mijiet ta’ benefiċċji soċjali u ċertifikati frawdolenti li ngħataw lil numru kbir ta’ persuni – fejn allegatament ġew msarrfa f’eluf ta’ ewro illeġittimi.

Din hija t-tieni darba li t-Tabib Silvio Grixti kien interrogat mill-Pulizija wara li sentejn ilu, proprju fl-2021 kien imsejjaħ mill-Korp.

Sorsi qrib il-Malta Today żvelaw li l-Pulizija ħadu statement mingħand Grixti hekk kif allegatament huwa pprovda ċertifikati foloz lin-nies, ġeneralment ġejjin minn żoni li l-Partit Laburista u prelevanti partikolarment fin-Nofsinhar ta’ Malta.

Ċertifikati li nħarġu b’firem iffalsifikati ta’ tobba li waslu f’operazzjoni biex persuni bdew jirċievu ħlasijiet fix-xahar f’medja ta’ €450 mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali.

Fost il-persuni implikati f’din l-iskema frawdolenti, apparti Grixti hemm ukoll allegatament involuti numru ta’ individwi fosthom, allegatament, Ministru Laburista, eks Deputat Laburista ieħor, diversi canvassers ta’ Ministri Laburisti u uffiċjali tal-Customer Care mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru.