Raġel ta’ 43 sena resdienti San Ġiljan li għandu l-vizzju tad-droga kien ikkundannat tliet snin ħabs mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech wara li ammetta li hedded lil missieru ta’ 87 sena. Isem il-ħati mhux qed jixxandar biex tiġi protetta l-identità tal-missier. It-theddid kien isir fid-dar fejn huma kienu jgħixu.
Ir-raġel kien tressaq mill-Ispettur Sherona Buhagiar li fil-31 ta’ Marzu li għadda, bl-akkużi jinkludu li fix-xhur u snin ta’ qabel, fl-istess residenza uża vjolenza morali fil-konfront ta’ missieru, beżżgħu u heddu. Huwa kien qed jiġi akkużat ukoll li kiser diversi ordnijiet tal-Qorti.
Ir-raġel ammetta l-ħtija u l-akkużi kollha miġjubin kontrih bil-Qorti tordna li qabel tagħti s-sentenza jsir rapport minn social worker. Ħareġ li r-raġel ammetta li żbalja u wera rimors għal għemilu minħabba l-vizzju tad-droga.
Il-Qorti osservat li r-raġel nidem minn dak li għamel u li kellha l-opportunita sabiħa, li tara it-trasformazzjoni li għamel tul l-inkarċerazzjoni preventiva tiegħu. Meta tressaq l-ewwel darba kien bniedem arroganti, irraxxibbili, mingħajr l-ebda sudizzjoni lejn l-uffiċjal prosekutur, l-avukat difensur u saħansitra il-Qorti.
Il-Maġistrat Frendo Dimech qalet li llum hu bniedem kalm, seren, jitbissem u jkompli konversazzjoni fejn hu konxju mill-iżbalji tal-passat u lest jieħu l-ħaqq bit-tama li jibda kapitolu ġdid f’ħajtu. Il-Qorti minn naħa tagħha rrimarkat li l-vittma f’dan il-każ huwa missier ta’ 87 sena u insistiet li ma kellux jiġi sfruttat. Ċirkostanza li għandha ġġib ħniena u mhux sfruttament.
Il-Qorti ddikjarat li lanqas ma jistax jintesa li l-imputat hu reċidiv u dan l-għemil kien wieħed ta’ natura kontinwa. Minbarra t-tliet snin ħabs, li minnhom irid jitnaqqas iż-żmien li l-ħati nżamm taħt arrest preventiv, il-Maġistrat ordnat lir-raġel biex ikompli jsegwi programm ta’ trattament biex joħroġ mill-vizzju tad-droga u ħarġet ukoll ordni ta’ trażżin għall-perjodu ta’ tliet snin biex tipproteġi lill-missier.
//= $special ?>