Raġel li kien arrestat wara li pejjep il-cannabis f’park nazzjonali fil-lejl tal-Halloween ċaħad akkużi relatati ma’ pussess aggravat tad-droga. Christopher Frendo ta’ 24 sena minn San Pawl il-Baħar spiċċa arrestat fil-Park tas-Salini għall-ħabta tad-9:30 ta’ filgħaxija tal-31 ta’ Ottubru, wara li patrol tal-pulizija li kienet għaddejja xammet riħa ta’ duħħan tal-cannabis, li deher ukoll fl-arja minn grupp ta’ żgħażagħ fil-qrib.
Frendo tressaq taħt arrest quddiem il-Maġistrat Victor Axiak nhar il-Ħamis, akkużat b’pussess ta’ cannabis f’ċirkustanzi li jindikaw li ma kinitx għall-użu personali u li wettaq dak ir-reat f’raġġ ta’ 100 metru minn post fejn normalment jinġabru ż-żgħażagħ.
L-Ispettur tal-Pulizija Ryan Vella, li mexxa l-prosekuzzjoni flimkien mal-Ispettur Francesco Mizzi, qal lill-Qorti li l-imputat kien pront qal lill-pulizija li kien qed ipejjep id-droga. Minn tfittxija rriżulta li kellu 48 gramma cannabis, maqsuma f’14-il qartas fil-pussess tiegħu.
L-avukat difensur Charmaine Cherrett daħħlet dikjarazzjoni ta’ mhux ħati f’isem il-klijent tagħha u talbet il-ħelsien mill-arrest. Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat għall-ħelsien mill-arrest taż-żagħżugħ, u sostniet li l-ammont ta’ droga li kien qed iġorr kien ferm aktar minn dak assoċjat mal-użu personali, filwaqt li saħqet ukoll fuq il-fattur ta’ prossimità.
Cherrett sostniet li l-ammont ta’ drogi misjuba kien biss madwar 20 gramma fuq il-limitu legali u li Frendo kien ‘first time offender; kif ukoll ivvizzjat bid-droga. Barra minn hekk, l-imputat kellu impjieg stabbli u kien jgħix ma’ ommu, żiedet tgħid l-avukat.
Il-Qorti staqsiet lill-pulizija jekk tarax xi riskju li l-akkużat ibagħbas l-evidenza jekk jingħata l-libertà proviżorja, bl-Ispetturi jwieġbu li ma kienx hemm. “L-unika raġuni li fuqha qed noġġezzjonaw hi l-gravità tal-akkużi,” qal l-Ispettur Vella.
Il-Qorti tat lir-raġel il-ħelsien mill-arrest, u wissietu li jekk jikser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest tiegħu jista’ jwasslu li jispiċċa l-ħabs. Frendo kien ordnat jiffirma l-għassa tal-Pulizija darbtejn fil-ġimgħa, josserva curfew u jiddepożita d-dokumenti tal-ivvjaġġar tiegħu fil-qorti.
Il-libertà proviżorja kienet garantita b’depożitu ta’ €5,000 u garanzija personali ta’ €15,000. Il-Qorti saħqet li ma kellu javviċina lil ħadd li kien miegħu fil-lejl tal-arrest tiegħu. L-Ispetturi Ryan Vella u Francesco Mizzi mexxew il-prosekuzzjoni.
Żagħżugħ jingħata l-libertà proviżorja wara li allegatament inqabad bi 48 gramma cannabis
