Budget 2024 Lokali

“Aħna minsijin għal kollox”

Backbencher Laburista jitkellem ma’ In-Nazzjon u jgħid li huma qegħdin hemm “għalxejn”

Wara d-Diskors tal-Baġit għas-sena d-dieħla moqri nhar it-Tnejn filgħaxija fil-Parlament mill-Ministru Clyde Caruana, u wara li fl-edizzjoni tal-bieraħ ta’ dan il-ġurnal żvelajna kif issa feġġet qasma interna ġdida fil-Kabinett ta’ Robert Abela hekk kif Ministri qegħdin jakkużaw lil ta’ Kastilja li nqdew bil-Baġit biex jaġevolaw lil ċerti Ministri qrib Robert Abela (ma tantx għandu fil-fatt) filwaqt li lill-kumplament injorawlhom it-talbiet li għamlu… issa jirriżulta li Robert Abela injora għalkollox lill-backbenchers tiegħu u lanqas biss ikkonsultahom jew infurmahom b’xejn dwar il-kontenut tal-Baġit.

Backbencher Laburista, bir-raġun kollu dispjaċut u rrabjat għall-mod xejn dinjituż li bih Robert Abela u ta’ Kastilja qegħdin fil-fatt jittrattaw lill-backbenchers Laburisti, bagħtli messaġġ qasir iżda preċiż: “Aħna minsijin għalkollox”.

Dan il-messaġġ intbagħatli b’rabta mar-rapport pubblikat ilbieraħ dwar kif fit-tfassil ta’ dan il-Baġit ta’ Kastilja mhux biss orkestraw kollox huma u deher biss il-Ministru Clyde Caruana biex jieħu d-daqqiet hu, iżda jekk ma kinux konsultati u mismugħa elementi fil-livell ta’ Ministri, aħseb u ara kemm ta’ Kastilja kkonsultaw mal-backbenchers.

Dan kollu qiegħed ikompli jikkawża problemi gravi u serji fil-Grupp Parlamentari Laburista kollu kemm hu fejn id-diskuntentizza hi fl-aqwa tagħha. Ta’ Kastilja jfendu għal rashom u jordnaw biex ħadd ma jazzarda jikteb l-iċken vers li b’xi mod jista’ jkun interpretat li hu kritiku għad-Diskors tal-Baġit, iżda fl-istess waqt jippretendu li jirromblaw u ma jisimgħu u ma jikkonsultaw ma’ ħadd.

Diġà wara d-Diskors tal-Baġit nhar it-Tnejn li għadda Ministri u backbenchers Laburisti fil-kurituri tal-Parlament urew id-diqa tagħhom għal ċerti affarijiet li ma jiffiguraw imkien fl-istess Diskors. Agħar minn hekk, li proposti u talbiet li saru minn Ministri spiċċaw litteralment waqgħu fuq widnejn torox.

Minn kuntatt li għamilt ma’ sors fil-Gvern Laburista jirriżultali li l-feeling li qiegħed jinħema minn dan ix-xenarju kollu hu li l-bastiment ‘Robert Abela’ qiegħed isalpa bi ftit nies abbord. Il-kumplament (Ministri, Segretarji Parlamentari, backbenchers u oħrajn involuti fit-Tmexxija tal-Partit) huma litteralment mhux fdati. Aħseb u ara d-Delegati Laburisti li jissejħu biss meta Robert Abela jkollu xi attività biex ma jfallux milli jattendu u biex jieħdu lil xi erbgħa min-nies magħhom!

Jirriżulta aktar minn qatt qabel, wara r-rapport tagħna tal-bieraħ, li jekk fil-livell ta’ Ministri hemm min jipprova jieqaf jew jgħaddi xi kumment fil-konfront ta’ Robert Abela u ta’ Kastilja –u bir-raġun kollu li joqogħdu lura għaliex jispiċċaw b’rashom ‘imtajra’ – fil-livell ta’ backbenchers il-logħba fil-konfront ta’ Robert Abela hi aktar differenti. Dan fis-sens li l-backbenchers jafu li huma użati biss biex jagħtu l-voti tagħhom favur il-Gvern kull meta msejħa. Mill-bqija għal Robert Abela litteralment ma jeżistux; la huma konsultati; la huma stmati; u wisq u wisq anqas kalkulati.

Jirriżulta fil-fatt, u dan bl-aktar mod ċar, li anki dwar dan il-Baġit moqri nhar it-Tnejn li għadda, il-backbenchers Laburisti la qatt ġew konsultati, la qatt ġew mitkellma, la qatt intalbet l-opinjoni tagħhom dwar xi ħaġa partikulari… kollox fil-konfront tagħhom sar b’mod li qishom ma jeżistux. U din l-attitudni qiegħda ddejjaq lill-istess backbenchers Laburisti li mhumiex boloh u jafu li l-bastiment ‘Robert Abela’ għandu l-qiegħ tiegħu iħakkek sew mal-blat ta’ taħt il-baħar!

Nifhmu skont is-sors li tkellimt miegħu lbieraħ, li llum il-ġurnata bosta mill-backbenchers Laburisti ddejqu – anzi għalihom sar imbarazzament – li jiffaċċjaw lill-kostitwenti tagħhom. Mhux biss għaliex huma bla saħħa, imma għaliex jafu li l-kostitwenti tagħhom iħarsu lejhom bħala parlamentari mwarrba u mhux fdati mit-Tmexxija tal-Gvern.

L-istess backbenchers żgur li huma konxji kif diversi kwistjonijiet jaħarqu fil-pajjiż, bħal dawk tal-għoli tal-ħajja, tal-popolazzjoni esaġerata, tat-traffiku, tal-waiting lists fl-isptar, taż-żieda fil-kriminalità, tal-korruzzjoni, tat-tixħim… f’dan il-Baġit ġew litteralment injorati u mwarrba. U dan proprju l-għada li l-Qorti tal-Appell ċanfret waħda kbira lill-Gvern ta’ Robert Abela fuq is-serq tat-tliet sptarijiet u li l-affarijiet ma jistgħux jibqgħu sejrin kif inhuma!

Il-qasmiet fil-Gvern u l-Partit Laburista huma diversi, iżda l-agħar sitwazzjoni hi dik fejn ta’ Kastilja jistennew u jippretendu li dawk kollha inkurlati għalihom u dispjaċuti xorta waħda jibqgħu jċarrtu ħalqhom u jitbissmu quddiem in-nies. Bħalma ngħidu bil-Malti, qishom l-anġlu tal-festa!

Robert Abela hu konxju mill-fatt li la jgawdi popolarità fil-livell ta’ Ministri tal-Kabinett u wisq u wisq inqas fil-livell ta’ deputati backbenchers. Naturalment bħall-minutiera tal-arloġġ li ma tegħja qatt itterraq… ma’ kull jum li

jgħaddi qiegħed joqrob il-mument tal-verità fejn backbenchers jittamaw li min qiegħed imexxi llum f’Kastilja fis-sajf li ġej jispiċċa jgawdi l-jott lussuż li għandu u minfloku jitpoġġa ħaddieħor li jkun jagħti kashom u jinvolvihom!