Sport Sport Ieħor

Aikido: Kevin Bonanno fl-Arabja Sawdija għall-World Combat Games

Kevin Bonanno kien magħżul biex jirrapreżenta lil Malta fl-Aikido waqt il-World Combat Games li għadhom kif saru f’Riyadh, l-Arabja Sawdija fejn ikkompetew bosta arti marzjali.

Sensei Bonanno għamel parti mill-grupp internazzjonali ta’ l-Aikido fejn ircieva taħriġ tekniku avvanzat u wettaq esebizzjoni fl-Arti ta’ l-Aikido. Huwa kien l-uniku Malti li pparteċipa f’dawn il-Loghob.

Aikido, hija arti marzjali Ġappuniża li tiffoka l-aktar fuq l-iżvilupp mentali u difiża personali.

Fl-Aikido, l-kompetizzjoni hija wahda assoluta u mhux relattiva, u għalhekk ħadd ma jitlef. L-Aikido, li f’Malta beda tletin sena ilu, preżentament qed ikun mgħallem u prattikat fil-Ħamrun fil-klabb Aikikai Malta taħt it-tmexxija ta’ Sensei Bonanno.

Il-partecipazzjoni ta’ Bonanno kienet possibbli peress li ħames snin ilu, l-Aikikai Malta kiseb rikonoxximent mill-kwartieri ta’ l-Aikido fil-Ġappun wara evalwazzjoni ta’ tagħlim u eżami tekniku.

L-Aikikai Malta huwa rikonoxxut ukoll mill-Federazzjoni Internazzjonali ta’ l-Aikido u mill-Federazzjoni Ewropeja ta’ l-Aikido.