Hija inġustizzja kbira fuq il-ħaddiema taċ-ċivil.
Dan huwa s-sentiment komuni li qed jinħass wara li l-Gvern ressaq fil-Parlament il-Budget għas-sena d-dieħla; budget li fih ma ġie preżentat ebda mekkaniżmu biex jagħmel tajjeb għall-fatt li l-ħaddiema taċ-ċivil qed isofru mill-mod kif qed tinħadem il-COLA.
Kien għalhekk li l-UĦM, is-CMTU, il-Forum Unions Maltin u l-GWU talbu laqgħa urġenti mal-Prim Ministru. Dan għaliex il-Budget kif tressaq mill-Ministru tal-Finanzi se jfisser biss telf għall-ħaddiema.
Kollox huwa marbut mal-fatt li l-Ftehim Kollettiv tal-ħaddiema tal-Gvern ikun ftehim li jinkludi l-COLA. Iżda din hija żieda li tinħadem fuq medja tas-8 snin li għaddew – meta l-għoli tal-ħajja ma kienx fil-livelli li jinsab fih illum.
Tant hu hekk, li s-sena li għaddiet l-imsemmija unions kien ressqu mekkaniżmu biex jagħmel tajjeb għall-COLA. U b’hekk, fil-Budget għal din is-sena, il-ħaddiema taċ-ċivil ingħataw id-differenza b’mod relattiv. Iżda dan ma ġarax fil-Budget li ġie preżentat għall-2024 – bil-unions jgħidu li qed ikun il-ħaddiem li jispiċċa jagħmel tajjeb għaż-żieda tal-għoli tal-ħajja.
Kien għalhekk li l-UĦM, il-GWU, il-Forum Unions Maltin u s-CMTU talbu lil Robert Abela sabiex jiltaqa’ magħhom b’mod urġenti ħalli jiddiskutu din is-sitwazzjoni inkwetanti, bil-għan li anke fil-Budget għas-sena d-dieħla jiddaħħal dan il-mekkaniżmu li jagħmel tajjeb għad-diskrepanza fil-COLA kif maħduma fil-ftehim kollettiv.
//= $special ?>