Budget 2024 Ekonomija Lokali

BUDGET 2024: “Iż-żieda mhux biżejjed biex tlaħħaq mal-għoli tal-ħajja”

Wara l-Budget, bosta persuni għadhom qed jilmentaw dwar il-fatt li biż-żieda li se jingħataw is-sena d-dieħla mhuwiex se jlaħħqu mal-għoli tal-ħajja. Dan wara li l-prezzijiet komplew jisplodu ‘l fuq fl-aħħar xhur, bl-inflazzjoni f’Malta tinsab ogħla mill-medja taz-Zona Ewro.

F’kummenti ma’ Net News bosta persuni spjegaw li l-prodotti li jixtru ta’ kuljum huma għoljin ħafna. Dan filwaqt li fi żmien qasir il-prezzijiet tal-prodotti komplew jisparaw ‘il fuq.

Apparti minn hekk, kien hemm uħud illi qalu li għalkemm huma jirnexxielhom ilaħħqu mal-għoli tal-ħajja ż-żieda li ngħatat fil-Budget żgur mhix biżejjed sabiex wieħed ikun jista’ jgħix ħajja diċenti.

Wara l-Budget, bosta unions u korpi kostitwiti qalu li l-COLA kif ukoll iż-żieda fil-paga minima kienu pass pożittiv. Iżda xorta għad hemm tħassib kbir għall-fatt li l-pajjiż m’għandux direzzjoni, u li hemm bżonn mudell ekonomiku ġdid. Dan apparti l-fatt li l-pagi ta’ bosta ħaddiema mhux ilaħħqu sal-aħħar tax-xahar.