Futbol Sport

Draw drammatiku bejn Gżira United u Luxol

Gżira United Veterans baqgħu fl-ewwel post tal-VMFA Cisk Premier League wara li kisbu draw drammatiku ta’ 5-5 kontra l-isfidanti għat-titlu Luxol St Andrew’s.

Kienet partita kumbattuta, fejn kienu Luxol li fetħu l-iskor l-ewwel, bl-ewwel taqsimma tintemm 5-2 għal Luxol. Minkejja kollox, il-Maroons wettqu rimonta u naqqsu l-marġini tal-iskor għal darba darbtejn.

Gżira skorjaw il-gowls tagħhom permezz ta’ doppjetta ta’ Ian Zammit filwaqt li Ryan Fenech, Lydon Micallef u Gilbert Camilleri Lowell ukoll niżżlu isimhom fost l-iskorers.

Għal Luxol Luke Satariano u Mauro Camoranesi skorjaw żewġ gowls kull wieħed filwaqt li Michael Galea żied ieħor għat-tim tiegħu.

Rabat Veterans issa jinsabu fit-tieni post tal-klassifika wara li kisbu rebħa tajba ta’ 4-1 kontra Żejtun Red Stars.

Adam Smeir u Ibrahim Tarek skorjaw darbtejn kull wieħed għar-Rabtin, b’Etienne Bonnici jsib ix-xibka għalll-gowl ta’ konsolazzjoni għaż-Żwieten.

Iċ-champions MFPA sfaw miżmuma fi draw ta’ 3-3 kontra Birkirkara Saint-Helen’s f’logħba spettakolari u mimlija gowls.

Roderick Bajada kompla bil-mument pożittiv tiegħu hekk kif skorja doppjetta b’Jonathan Bondin jżid ieħor għal MFPA, bil-Karkariżi jirrispondu permezz ta’ doppjetta ta’ Claudio Calleja u gowl ieħor ta’ Joseph Chetcuti.

Hibernians Veterans rebħu t-tieni rebħa tal-istaġun wara li għelbu lil Żurrieq Wolves 2-0.

Thomas Caruana kien il-protagonista fil-partita hekk kif skorja żewġ gowls. Minkejja li ż-Żrieraq ippruvaw iwettqu reazzjoni, id-difiża Pawlista żammew sod sabiex waslu tliet punti oħra.