Internazzjonali

Il-Gwerra fil-Lvant Nofsani: Il-Belt ta’ Gaza ċirkondata mit-truppi ta’ Iżrael

Il-qawwiet tal-art ta’ Iżrael, avvanzaw aktar ‘il ġewwa fil-Medda ta’ Gaża u fejn irnexxielhom jiċċirkondaw il-Belt ta’ Gaża fejn hemm l-akbar numru ta’ bejtiet tat-terroristi tal-Ħamas.

Dan fih innifsu qed jindika l-progress tal-kampanja militari ta’ Iżrael f’Gaża…Kampanja li fiha qed tingħata l-ogħa priorità lill-eliminazzjoni tat-terroristi flimkien mal-isforzi tal-Iżraeljani biex isalvaw lill-ostaġġi li ilhom il-ġimgħat miżmumin mil-Ħamas.

Il-Kapijiet tal-Armata Iżraeljana qalu li l-militar tagħhom kienu għaddejjin b’fażi sinifikanti oħra tal-gwerra. L-istess kapijiet irrifjutaw kull diskors dwar waqfien mill-ġlied mal-Ħamas, f’ħin meta t-truppi ta’ Iżrael kienu qegħdin javvanzaw fuq tliet fronti.

Il-qawwiet Iżraeljani li invadew Gaża qed ikunu reinfurzati minn ħin għal ieħor b’aktar tankijiet tal-gwerra u vetturi armati.

Min-naħa tiegħu, l-Ammirall Daniel Hagari, bħala kelliem ewlieni għall-Qawwa Iżraeljana, sostna li l-Belt ta’ Gaża, issa, spiċċat f’morsa u li ħadd ma seta joħroġ mill-inħawi.

Fl-aħħar sigħat, it-truppi Iżraeljani kienu qed jattakkaw iċ-ċentri tal-kmand u diversi zoni difiżi mill-Ħamas, fost il-qerda tal-faċilitajiet li kienu qed jintużaw għal ‘azzjonjijiet terroristiċi’, Dan fost il-battalji kontinwi bejn it-truppi u l-fanatiċi tal-Ħamas li kienu qed jikkonfrontaw direttament lil xulxin waqt sensiela ta’ battalji fit-toroq.

Il-fatt li l-qawwiet Iżraeljani infiltraw sal-qalba ta’ Gaża għandu, fih innifsu, iwassal lejn stadju ferm aktar intensiv tal-gwerra mal-Ħamas.

Dan ukoll meta ħarġu aktar provi li l-Ħamas qed juża lis-siti taċ-ċivili Palestinjani bħala lokalitajiet u ċentri ta’ kmand militari – b’dan qed isir ukoll bħala parti minn ‘strateġija speċifika’ tal-Kapijiet terroristiċi.

Hemm ukoll il-provi li l-Ħamas qed juża l-isptarijiet, l-iskejjel, il-moskej u z-zoni residenzjali f’Gaża bħala  ‘hubs’ għall-isparar tar-rokits lejn Iżrael – bl-Iżraeljani jikkundannaw din it-tattika ‘ċinika’ li tikkumplika l-isforzi tagħhom biex jimminimizzaw il-vittmi fost iċ-ċivili Palestinjani.