Kienet reazzjoni iebsa immens dik li ħarġet mill-Kunsill Studenti Universitarji wara l-preżentazzjoni tal-Budget; preżentazzjoni li ġiet deskritta mill-KSU bħala “diżappuntanti” għaliex iż-żgħażagħ u l-istudenti ġew kompletament injorati mill-Gvern.
Fi stqarrija ta’ kundanna li ħarġet kmieni dalgħodu, il-KSU qal illi “ma jistax jifhem kif il-futur tal-pajjiż ingħata l-ġenb”.
L-istudenti innutaw kif id-diskors tat-tnejn kien wieħed mimli partiġġjaniżmu u paraguni. “Dan mhux postu f’diskors ta’ Budget”, stqarr il-Kunsill tal-Istudenti Universitarji.
Fejn jidħol is-settur edukattiv, il-KSU irrimarka kif il-Budget semma’ biss tliet aspetti – kollha punti li diġa’ huma parti mill-Istrateġija Nazzjonali. Dan ifisser li l-Gvern warrab għal kollox l-investiment fl-edukazzjoni; u agħar minn hekk, l-investiment fl-istudent. Xi ħaġa li l-KSU iddeskriva bħala “frustranti”.
Filwaqt li faħħru ż-żieda fl-istipendju, huma tkellmu b’saħħa dwar is-serqa tal-isptarijiet u rreferew għall-€400 miljun li l-Gvern tajjar f’dan id-deal. Hawn, il-KSU appella għal aktar trasparenza, filwaqt li sejħu lill-Gvern sabiex ma jħallix l-isptar Monte Carmeli fl-istat li jinsab fih.
//= $special ?>