L-Armata ta’ Iżrael, fl-aħħar sigħat, kienet fuq l-ogħla stat ta’ allert għat-theddida mill-grupp Heżbollaħ tal-militanti Xiti fil-Libanu. Dan wara li l-Kap tal-Ħeżbollah, Hassan Nasrallah, tkellem għall-ewwel darba dwar il-gwerra li għaddejja bejn l-Iżraeljani u t-terroristi tal-Ħamas.
Nasrallah – reliġjuż Xi’it li ilu jmexxi lill-Ħeżbollaħ mill-1992 — faħħar l-attakki terroristiċi tas-7 ta’ Ottubru mill-Ħamas f’Iżrael bħala ‘xierqa u ġusti’ iżda, fl-istess ħin, fisser l-azzjoni bħala ‘waħda kollha kemm hi tal-Palestinjani’.
Nasrallah tkellem ukoll kontra l-Istati Uniti u qal li din hi responsabbli mill-gwerra f’Gaza. Hu rringrazzja lill-qawwiet appoġġjati mill-Iran li huma stazzjonati fil-Jemen u fl-Iraq – u meta l-militanti tal-Houthi qed jużaw il-Jemen biex jisparaw id-drones lejn Iżrael u bil-milizzji Iraqi X’iti qegħdin jattakkaw lill-bażijiet militari tal-Amerikani fl-Iraq u fis-Sirja,
L-osservaturi qablu li d-diskors ta’ Nasrallah hu importanti fid-dawl tal-kriżi u meta mhux eskluż li l-konflitt ta’ Iżrael mal-Ħamas jingħata dimensjoni ġdida.
Filwaqt li fl-aħħar jiem kien hemm skambju kontinwu ta’ bumbardamenti mill-fruntiera ta’ Iżrael mal-Libanu, il-Gvern tal-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu, wissa bla tlaqliq lill-Ħeżbollaħ li għandu jiddispjaċih bil-kbir jekk kemm-il darba jiddeċiedi li jissieħeb fil-gwerra fuq in-naħa tal-Ħamas.
It-Tmexxija Iżraeljana enfasizzat li r-reazzjoni ta’ Iżrael, f’dan il-każ, għandha ssir fuq livell li ftit jistgħu jimmaġinaw, anki f’reġjun li ilu għexieren ta’ snin iddominat mill-gwerer.
Ħadd ma jaf il-lokalità ta’ Nasrallah li hu alleat kbir tal-Iran, iżda l-messaġġ tiegħu wasal lill-għexieren tal-eluf tan-nies, fosthom il-folol tas-sostenituri tal-Ħeżbollaħ miġburin fil-kapitali Lebaniża, Bejrut.
//= $special ?>