Edukazzjoni Lokali

Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola żżur l-istudenti tal-MCAST

Matul il-jum tal-Ġimgħa l-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola żaret il-kampus tal-MCAST f’Raħal Ġdid, fejn iltaqgħet ma’ studenti u lecturers fost l-oħrajn fl-Istitut tal-Inġinerija u t-Trasport u l-Istitut tax-Xjenzi Applikati.

Lecturers u studenti akkumpanjaw lill-President tal-Parlament Ewropew fil-workshops, laboratorji, il-librerija kif ukoll f’sala li tintuża biex studenti li qed isegwu korsijiet ta’ infermiera jkunu jistgħu jagħmlu sessjonijiet ta’ prattika.

Hawnhekk l-istudenti spjegaw lill-President Roberta Metsola kif permezz tal-korsijiet li qed isegwu qed jitħarrġu għall-impjieg li qed jimmiraw għalih.

Minn naħa tiegħu l-prinċipal stqarr illi fl-MCAST hemm bosta faċilitajiet li huma ffinanzjati mill-Unjoni Ewropea, saħansitra istituti sħaħ.

Roberta Metsola qalet li permezz tal-kariga tagħha se tkompli taħdem biex aktar fondi jkunu allokati għall-edukazzjoni tat-tfal u ż-żgħażagħ. Hi qalet li l-Unjoni Ewropea se tkompli tinvesti fir-riċerka u l-innovazzjoni u dan ikun ta’ benefiċċju kbir għat-tfal, iż-żgħażagħ, il-ħaddiema u min iħaddem.

Il-prinċipal tal-MCAST qal li l-kollaborazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-MCAST tmur lura għal 20 sena u tul dawn is-snin sar investiment qawwi inkluż f’Ċentru tar-Riżorsi għall-istudenti li jinkludi wkoll il-librerija tal-Kulleġġ.

Bħalissa l-MCAST joffri aktar minn 200 kors full time u 400 part-time lil 10,000 student u studenta.