Lokali

Il-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista hi viżjoni ekonomika ta’ ġustizzja mal-ħaddiema

Ritratt: Martin Agius

Il-Gvern għandu jagħti widen lill-unions tal-ħaddiema u jassigura li ma ssirx aktar inġustizzja

Dan sostnewh id-Deputati tal-Partit Nazzjonalista Ivan Castillo, Darren Carabott u Jerome Caruana Cilia permezz ta’ stqarrija.

L-istqarrija konġunta li ppubblikaw erbgħa mill-unions ewlenin tal-ħaddiema hi prova li dan il-Budget naqas milli jindirizza r-realtajiet tal-ħaddiema. Il-messaġġ tal-unions tal-ħaddiema skarta għal kollox dak li l-Gvern Laburista pprova jipproġetta lilu nnifsu fid-diskors tal-Budget tat-Tnejn li għadda. Jidher li waqgħet il-maskra u mhux veru li dan hu Budget “Soċjalista” mill-“Partit tal-Ħaddiema”.

Bil-fatti, dan il-Gvern kompla juri kemm qed jagħti bis-sieq lis-Servizz Pubbliku u naqas milli jtejjeb il-kundizzjonijiet għall-Ħaddiema taċ-Ċivil, anzi naqas bil-kbir. Tant hu hekk li l-impjegati mas-Servizz Pubbliku mhux se jkunu kkumpensati biż-żieda sħiħa tal-COLA. Dan minbarra li warrab il-pariri tal-unions u l-pożizzjoni tal-Partit Nazzjonalista li ma jintaxxax il-COLA.

In-nuqqas ta’ kapaċità u ħila tal-Gvern li japplika u jintroduċi l-istess mekkaniżmu li uża fl-aħħar Budget turi n-nuqqas ta’ rieda tiegħu li jindirizza l-bżonnijiet tal-ħaddiema tiegħu stess. Dan mhux Gvern li jippremja lill-bieżel, iżda jikkastigah.

Din il-miżura mhux biss se toħloq inġustizzji, iżda toħloq kriżi fir-relattività tal-pagi, li l-Gvern injora li jindirizza. Miżura li tkompli turi kemm is-Servizz Pubbliku mhux prijorità għall-Gvern.

Hu ċar li l-Gvern bla soluzzjonijiet u tilef l-aptit li jiggverna, filwaqt li hu inġust mal-ħaddiema.

Min-naħa l-oħra, il-Partit Nazzjonalista għandu viżjoni ekonomika ta’ eċċellenza li fil-qofol tagħha hemm il-poplu Malti u l-ħaddiema Maltin u Għawdxin.