Impjegat f’kumpanija tal-assigurazzjoni tal-ħajja nżamm arrestat wara li ġie akkużat li għadda madwar €80,000 ta’ pagamenti tal-klijenti fil-kontijiet tiegħu. Salvatore Giuseppe Massimo Pirrello ta’ 51 sena residenti Marsaskala, mwieled Sqallija, l-Ġimgħa tressaq quddiem il-Maġistrat Noel Bartolo, akkużat bi frodi, miżapproprjazzjoni u użu ħażin tal-kompjuter.
L-Ispettur Wayne Rodney Borg, assistit mill-prosekuturi Andreas Vella u Yvette Borg Cardona, spjega li Pirrello kien ġie arrestat wara investigazzjoni dwar trasferimenti suspettużi rrappurtati mill-grupp tal-assigurazzjoni li impjega lil Pirello.
Waqt li kien qed jaħdem fid-dipartiment tal-kontijiet, l-akkużat kellu aċċess għal informazzjoni dwar ħlasijiet mensili minn klijenti korporattivi, kif ukoll l-awtorità li tbiddel id-dettalji bankarji għal dawk il-ħlasijiet.
Pirrello huwa allegat li bidel id-dettalji tal-kont tar-riċevituri f’diversi każijiet u ttrasferixxa total ta’ €80,000 għal numru ta’ kontijiet oħra, uħud minnhom barra minn Malta. Fil-Qorti ntqal li minn dawk it-trasferimenti, €28,000 tqiesu bħala suspettużi u immedjatament imreġġa lura mill-bank; ġie miċħud ukoll it-trasferiment ta’ €6,000 oħra.
Pirrello kien irritorna €25,000 mill-flus li huwa akkużat li misapproprja, qalet il-prosekuzzjoni. Hu wieġeb mhux ħati, bl-avukat tiegħu Joseph Bonnici, talab il-ħelsien mill-arrest wara li qal lill-Qorti li Pirello kien ħallas lura l-maġġoranza tal-flus u “fadallu biss” madwar €10,000 biex jirritorna.
Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat għat-talba għall-ħelsien mill-arrest minħabba indħil potenzjali fil-provi, in-nuqqas ta’ rabtiet ma’ Malta u l-fatt li l-vittmi kienu għadhom ma xehdux. Il-Prosekutur Andreas Vella qal lill-Qorti li fil-ħin tal-arrest tiegħu, Pirello instab li kien diġà bbukkja biljetti tat-titjira lejn l-Italja u kkoreġa ċ-ċifri, u qal li total ta’ €20,000 kienu għadhom mhux imħallsa.
Il-Maġistrat Noel Bartolo ċaħad il-ħelsien mill-arrest f’dan l-istadju, minħabba r-riskji li l-imputat ibagħbas fil-provi jew jaħrab mill-pajjiż. L-Avukat Beppe Darmanin deher parte civile
//= $special ?>