Internazzjonali

Iżrael: Antony Blinken jappella biex iċ-ċivili Palestinjani ma jbatux il-konsegwenzi tal-gwerra

Is-Segretarju tal-Istat Amerikan, Antony Blinken kellu l-laqgħat f’Iżrael mal-ogħla mexxejja tal-pajjiż fosthom il-President Isaac Herzog kif ukoll mal-membri tal-Kabinett tal-Gwerra Iżraeljan. Fil-laqgħat spikka l-messaġġ ta’ Blinken biex l-Iżraeljani jevitaw eskalazzjoni tal-gwerra mal-Ħamas b’mod li jaffettwa lir-reġjun sħiħ tal-Lvant Nofsani.

Blinken  insista wkoll li kollox irid isir għall-protezzjoni taċ-ċivili Palestinjani li spiċċaw fl-eqqel tal-gwerra minħabba l-massakri, ġimgħat ilu, taċ-ċivili Iżraeljani taħt idejn it-terroristi tal-Ħamas. Hu kompla li ‘il-pawżi fil-ġlied fuq livell umanitarju’ huma kritiċi għall-protezzjoni taċ-ċivili u li din l-issue kienet punt importanti tad-diskussjoni tiegħu mal-Mexxejja ta’ Iżrael.

Is-Segretarju tal-Istat Amerikan fl-istess ħin, enfasizza l-appoġġ sħiħ tal-Istati Uniti għal Iżrael fil-gwerra kontra t-terrur. Dan meta l-programm tiegħu kien jinkludi anki żjara fil-Ġordan biex jaċċerta li l-pajjiż jimpenja ruħu ħalli l-konflitt attwali ma jestendix ‘il hinn minn Gaza.

Iżrael ilu jwissi lill-Palestinjani f’Gaza biex joħorġu miz-zoni tat-territorju li spiċċaw mira tal-militar. Dan ukoll fost twissija li l-Ħamas u entitajiet oħra terroristiċi qegħdin imexxu l-operat qattiel tagħhom mix-xelters, l-isptarijiet u anki l-iskejjel ta’ Gaza.

Antony Blinken sostna , sadanittant, li filwaqt li Iżrael għandu kull dritt li jiddefendi ruħu, hemm il-mezzi li jaċċertaw li r-reazzjoni ma tiswiex il-ħajja ta’ ċivili innoċenti. Sadanittant ma ħarġux dettalji tal-laqgħat li Blinken kellu mal-membri tal-Kabinett tal-Gwerra Iżraeljan u li saru wara l-bibien magħluqa.