Internazzjonali

L-Iran: Nirien fatali f’ċentru għar-rijabilitazzjoni tal-vittmi tad-droga

Mietu viċin l-40 fost nirien li ħakmu ċentru għar-rijabilitazzjoni ta’ persuni bil-vizzju tad-droga u li jinsab fil-belt ta’ Langarud, fil-provinċja ta’ Gilan, lejn in-naħa ta’ fuq tal-Iran.

Ir-rapporti qalu wkoll li numru sinifikanti ta’ nies ittieħdu lejn l-isptar wara li belgħu d-dħaħen u b’oħrajn ibatu l-ħruq madwar ġisimhom.

L-Iran jimponi l-piena tal-mewt għat-traffikanti tad-droga li jippersistu bl-aġir tagħhom iżda fl-istess ħin qed jiftaħ iċ-ċentri li jipprovdu l-programmi ta’ rijabilitazzjoni għall-ivvizzjati.

Qed jingħad li n-nirien fatali kienu kaġunati minn heater, bil-fjammi ma jdumux ma jinfirxu madwar iċ-ċentru.

Dan waqt li l-Pulizija żammew lill-manager taċ-ċentru u  persuni oħra taħt arrest u li qed jgħinu fl-investigazzjonijiet tal-awtoritajiet.

Filwaqt li ċ-ċentru inkwistjoni hu attrezzat biex jieħu mal-40 persuna f’daqqa, l-awtoritajiet f’Langarud qalu li l-kumpless kien iffullat iż-żejjed bin-nies meta qabdu n-nirien u li dan il-fattur jaħti għall-ammont hekk kbir tal-vittmi.