Il-Prim Ministru Giorgia Meloni qed taġġorna ruħha kontinwament mal-konsegwenzi katastrofiċi tal-maltemp estrem li fl-aħħar sigħat kien qed jistraxxna r-reġjun ta’ Toscana…Dan fost konferma mill-awtoritajiet f’Toscana li l-meltemp ħalla talanqas sitt vittmi u meta numru ta’ nies huma rappurtati nieqsa.
Il-vittmi tal-maltemp instabu f’Montemurto, viċin ta’ Prato u fil-limiti ta’ Livorno. Dan wara li bnadi sħaħ ta’Toscana, għal sigħat sħaħ, ġarrbu l-ħalbiet qawwija tax-xita u l-irwiefen dovuti għall-Maltempata mlaqqma ‘Ciaran’.
Il-Gvern Taljan esprima kondoljanzi lill-qraba tal-vittmi, b’Meloni qed iżżomm kuntatt kontinwu mal-Gvernatur ta’ Toscana, Eugenio Giani, kif ukoll mal-kapijiet tas-servizzi għall-Protezzjoni Ċivili – partikularment mal-Ministru responsabbli Nello Musumeci.
Hi wiegħdet li l-awtoritajiet kompetenti qegħdin jagħmlu li jistgħu biex jimminimizzaw l-impatt tal-maltemp għall-komunitajiet li spiċċaw fi stat ta’ emerġenza. Fil-fatt, saru ‘il fuq minn 100 intervent ta’ emerġenza fl-inħawi ta’ Campi Bisenzio, Cerreto Guido, Carmignano, Prato u Montemurlo.
Dan meta s-sitwazzjoni tal-maltemp kienet anki rappurtata bħala allarmanti fil-provinċji ta’ Pisa u Livorno.
L-aħħar rapporti qalu wkoll li l-kumpannija tal-elettriku Enel kienet qed tistinka biex tirristawra s-servizz lil 40,000 konsumatur li spiċċaw mingħajr dawl – bl-awtoritjiaet anki jippruvaw jikkontrollaw sitwazzjonijiet ta’ għargħar fl-isptarijiet ta’ Pontedera, Borgo San Lorenzo u Prato.
Is-Sindku ta’ Prato, Matteo Biffoni, qal li fl-inħawi niżlet 155 millimetru xita fi ftit sigħat biss — u għall-ewwel darba fi kważi żewġ sekli.
Fl-aħħar sigħat, il-Gvernatur Giani kien qed jitkellem bit-telefon mal-Prim Ministru Meloni u fejn informa lill-istampa li kienu qed jittieħdu l-miżuri biex is-sitwazzjoni ta’ emerġenza għal Toscana titressaq mill-aktar fis għal dibattitu dettaljat quddiem il-Kabinett ta’ Ruma.
//= $special ?>