Lokali

Muscat imur għand Cuschieri biex jattakka lill-Maġistrat Vella u lit-tobba

“Dmiri għamiltu – bil-lejl norqod għax naf li m’għamilt xejn ħażin”

Ebda umiltà. Ebda apoloġija. Iżda attakk wieħed wara l-ieħor fuq il-Qorti, fuq it-tobba, fuq il-Partit Nazzjonalista u fuq dawk kollha li b’xi mod jew ieħor ipoġġu f’dawl ħażin lill-eks Prim Ministru u eks Mexxej Laburista.

Hekk kienet ikkaraterizzata l-intervista li Emmanuel Cuschieri għamel lil Joseph Muscat il-Ġimgħa filgħaxija fuq l-istazzjon Smash fejn matulha nfexx f’attakk ripetut fuq il-Maġistrat Gabriella Vella; il-maġistrat li qed tmexxi l-Inkjesta Maġisterjali b’rabta mad-deal tal-Isptarijiet.

Mistoqsi dwar id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Appell, liema deċiżjoni sabet lill-Gvern Laburista ħati ta’ kollużjoni ma’ Vitals u Steward, lill-Gvern Laburista ħati li ma ġabx l-interessi tal-pajjiż l-ewwel iżda ġab l-interessi tas-soċjetajiet privati fuq dawk taċ-ċittadin…Muscat insista li hu ma jaqbilx ma tali raġunament.

B’mod mill-aktar surreali, Joseph Muscat insista li hu għamel dmiru tant li m’għandu ebda problema u stqarr li bil-lejl jorqod seren.

Kien hawn li fetaħ attakk fuq il-Maġistrat Gabriella Vella b’rabta mal-Inkjesta Maġisterjali u insista li l-għan huwa li jtellgħuh il-Qorti, allużjoni ċara ta’ dak li Muscat qiegħed ibassar li se jkun qed jiġri fil-jiem jew ġimgħat li ġejjin – bl-eks Mexxej tal-Labour isejjaħ sottilment lil niesu biex ma jħalluhx waħdu.

Għal darb’oħra saħaq li bil-lejl huwa jorqod għax jaf li m’għamel xejn ħażin….dan minkejja s-sentenza tal-Qorti tal-Appell li kkundannat għal kollox l-aġir tiegħu…minkejja wkoll li hu nnifsu għandu jħallas tad-danni.

L-attakk fuq il-Maġistrat Vella kompla meta allega li hi mhux qed tħalli lill-Kummissajru tal-Pulizija Angelo Gafà jiftaħ investigazzjoni separata filwaqt li kompla jimmina u jwettaq assassinju tal-karattru fuq l-istess maġistrat.

Dan filwaqt li l-falliment tad-deals tal-isptarijiet xeħithom kompletament fuq it-tobba hekk kif insista li kien hemm xi tobba li beżgħu li setgħet tinqata’ l-waiting list u għaldaqstant kienu se jitilfu x-xogħol fl-isptarijiet privati.

Dan filwaqt li għal darba darbtejn Joseph Muscat insista li hu mar l-ismash għal intervista ma’ Emmanuel Cuschieri għax kien hu li stiednu u għax miegħu jħossu home, Muscat saħaq li hu jmur fejn jistednuh – botta ċara u tonda li preżentament fuq l-istazzjon tal-Labour l-eks Mexxej Laburista huwa persuna non grata.