Internazzjonali

Mużika: Eks-mudella takkuża lil Steven Tyler ta’ Aerosmith dwar aggrediment sesswali

Steven Tyler, il-kantant tal-grupp tar-Rock Amerikan Aerosmith, qed jiffaċċa akkużi dwar aggrediment bi skop sesswali u li jmorru lura għall-1975.

Dan wara li mara – Jeanne Bellino — ressqet rikors kontra l-kantant fejn qed tallega li, f’dik is-sena, hi spiċċat aggredita darbtejn mill-kantant u fi żmien meta kien għad għandha 17-il sena.

Il-każ legali tressaq lill-Qorti Suprema ta’ New York, b’Jeanne Bellino issostni li l-esperjenza ħallietha tbati ‘minn effetti emozzjonali serji u permanenti’.

Fl-2022, mara oħra – Julia Misley – kienet ressqet każ separat kontra Steven Tyler, li, min-naħa tiegħu, qed jiċħad għall-allegazzjonijiet kollha. Il-kantant baqa’ ma kkummentax dwar il-każ imressaq minn Jeanne Bellino – eks-mudella — li qed tgħid li spiċċat vittma tal-allegat aġir indiċenti meta ltaqgħet mal-membri tal-grupp Aerosmith wara li parteċipat f’wirja tal-moda.

Ir-rikors fost oħrajn, jirreferi għal każ fejn Bellino spiċċat ‘attakkata’ minn Tyler u fejn ma rnexxilhiex tirreżistih ‘waqt li l-membri l-oħra tal-grupp osservaw kollox mingħajr intervent.’

F’Settembru, dan il-grupp rinomat minn Boston ippospona numru ta’ kunċerti tal-Farewell Tour fl-Istati Uniti minħabba li Tyler kien sofra sfreġju fil-kordi vokali.