Dun Ġwann Farrugia, Direttur tal-Fondazzjoni U, li hija organizzazzjoni filantropika li tiffoka fuq għajnuniet soċjali, reliġjużi u umanitarji qal lill-Imħallef Edwina Grima illi raġel ta’ 41 sena mill-Furjana li jisab mixli li aggredixxa mara fir-restorant tiegħu,u li kkaġunalha ġrieħi b’virga meta kien fil-pusses tad-droga kokaina, jgħinu fil-fund raising tal-għaqda tiegħu.
Ix-xhud li huwa qassis djoċesan kien qed jixhed fil-Qorti Kriminali wara talba li saret għall-ħelsien mill-arrest mill-avukati ta’ Keith Gravina ta’ 41 sena. Dun qal li jaf lill-imputat u jemmen li żbalja u li bħal kull persuna oħra għandu d-difetti tiegħu.
Qal iżda li Gravina huwa bniedem li beda negozju mix-xejn u li żball li wettaq kien wieħed morali mal-partner tiegħu, li wkoll tagħmel parti minn negozju tiegħu. Gravina ilu arrestat 10 t’ijiem fejn qed iwieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjubin kontrih.
Meta tressaq il-Qori il-prosekuzzjoni qalet li Gravina sawwat mara b’virga tal-metall u li kkaġunlha ġrieħi gravi hekk kif żammha kontra r-rieda tagħha filwaqt li beda jikkonsma d-droga kokaina. L-akkużi huma li dawn ir-reati seħħew fir-restorant tal-akkużat fl-Imrieħel li l-Pulizija kellha tintervjeni meta marret fuq il-post fejn kien hemm storbju sħiħ bl-allegata vittma mwerwra.
Huwa qed jiġi mixli wkoll li naqas milli jobdi ordnijiet leġittimi tal-pulizija kif ukoll li kiser il-kundizzjonijiet preċedenti ta’ pleġġ mogħti f’Ġunju tas-sena l-oħra. Xehdet ukoll omm l-akkużat li qalet li bħalissa binga qed jgħix magħha.
L-Avukati Nicholas Mifsud u Matthew Xuereb qalu lill-Qorti Kriminali li huwa kruċjali li jingħata l-pleġġ għaliex in-negozju huwa mmexxi minnu u li jekk jinżamm arrestat flok ikun hu li jkompli jikkotribwixxi lis-soċjetà, tkun is-soċjetà li tikkontribwixxi lejh.
L-avukat tal-AĠ Etienne Savona ma qabilx li Gravina għandu jingħata l-ħelsien mill-arrest għax l-akkużi huma gravi bil-vittma spiċċat imwerwra u għaldaqstant hu ta’ periklu. Qal ukoll li dan il-każ ilu biss 10 t’ijiem u għalhekk għadu kmieni biex jingħata l-pleġġ.
Id-difiża fil-kontro replika tagħha qalet li l-akkużat lest li joqgħod għall-kundizzjonijiet kollha li timponi l-Qorti u li n-negozju stabbli li għandu jippermettielu li jagħti l-garanziji finanzjarji kollha.
Dwar il-biża, li semma’ l-Avukat tal-AĠ, id-difiża qalet li l-Qorti għandha l-mekkaniżmi kollha biex din il-biża’ tikkontrollaha. L-Ispetturi Clayton Camilleri u Andrew Agius Bonello kien investigaw il-każ. L-Avukat Alex Scerri Herrera deher parte civile.