Lokali

SPARATURA FIL-GŻIRA: Raġel iweġġa’ gravi wara li qala’ tir f’siequ – tfittxija għal żewġ persuni

Raġel li l-identita’ tiegħu għadha mhix magħrufa, sofra ġrieħi gravi wara li kien involut f’argument fil-Gżira.

Għall-ħabta tas-1am tal-Ġimgħa, il-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm bżonn l-assistenza fi Triq ix-Xatt.

Il-Pulizija marret mill-ewwel fuq il-post u minn investigazzjonijiet preliminari rriżulta li raġel kien involut f’argument ma’ żewġt irġiel oħra fi stabbiliment tax-xorb. L-argument tkompla fuq barra tal-ħanut u kien hawn li allegatament wieħed miż-żewġt irġiel spara arma tan-nar fid-direzzjoni tal-ieħor, bl-aggressur u r-raġel l-ieħor li kien miegħu ħarbu minn fuq il-post.

Tim mediku ġie msejjaħ fuq il-post sabiex jassisti lill-vittma u ambulanza ħaditu l-Isptar Mater Dei
għall-kura medika, fejn aktar tard ġie ċċertifikat li sofra ġrieħi gravi kawża ta’ tir fin-naħa t’isfel ta’ siequ.

Filwaqt li l-Pulizija għaddejja bit-tfittxija għall-aggressuri, l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin sabiex tkun stabbilità l-identita’ ta’ l-irġiel involuti u anke d-dinamika tal-każ.

Il-Maġistrat tal-Għassa Victor Axiaq fetaħ inkjesta.