Manuel Cuschieri jirritalja u jisfida… jagħżel li jmur fl-istazzjon Smash TV biex xorta waħda jintervista lil Joseph Muscat
Tant u tant kwistjonijiet interni jaħarqu fil-Partit Laburista u l-aktar waħda ġdida hi proprju dik tat-Tmexxija tal-Partit – direttament bl-involviment ta’ Robert Abela – li Manuel Cuschieri ma jitħalliex jintervista lil Joseph Muscat fuq l-istazzjon tal-Partit ONE.
Iżda l-“Le” ta’ Robert Abela ma kenitx aċċettata minn Manuel Cuschieri sal-punt li minflok obda d-direzzjoni tat-Tmexxija tal-Partit għażel li jirritalja u jisfida… minflok Manuel Cuschieri għażel l-istazzjon privat Smash TV biex l-intervista ma’ Joseph Muscat jagħmilha llejla fuqu.
Sitwazzjoni li turi bl-aktar mod ċar it-tensjoni li għaddejja fil-preżent fil-Partit Laburista fejn Robert Abela u ta’ Kastilja qegħdin jipprovaw jikkontrollaw l-inkontrollabbli. Għaliex filwaqt li Robert Abela jaf li madwaru hemm diversi li m’għandhom l-ebda lealtà lejh, jaf li l-moħħ prinċipali wara dan l-imminar fil-konfront tiegħu ġej minn dawk viċin ta’ Joseph Muscat.
Joseph Muscat li jkompli jkun dahru mal-ħajt wara s-sentenza tal-Qorti tal-Appell fejn ċanfritu bil-kbir għas-serqa sfaċċata tat-tliet sptarijiet pubbliċi li minn wara dahar il-poplu ħadem biex dawn inbiegħu lill-barranin li m’għandhom l-ebda esperjenza fil-kamp mediku, aħseb u ara fit-tmexxija ta’ xi sptar pubbliku.
Il-borma mħawra u tbaqbaq tal-Partit Laburista issa qegħda tagħli sew bil-minaċċi fil-konfront ta’ xulxin ikomplu jiżdiedu u hu preċiż dak li qiegħed jagħmel Manuel Cuschieri b’din id-deċiżjoni tiegħu li flok ma jobdi u jimxi mal-linja tal-Partit, jaħseb li hu akbar mill-istess Partit u jagħmel test dirett fil-konfront ta’ Robert Abela billi jisfidah li xorta waħda jintervista lil Joseph Muscat… naturalment flok fuq il-ONE fuq stazzjon privat.
Tajjeb li nfakkru ftit li r-ritorn ta’ Manuel Cuschieri bil-monologi ma jispiċċaw qatt tiegħu fuq il-ONE sar grazzi għall-pressjoni kbira li saret fuq it-Tmexxija tal-Partit u fuq Robert Abela nnifsu li finalment kellhom iċedu għal din il-pressjoni.
Dan minkejja li jafu ben tajjeb li dawn il-monologi ta’ Manuel Cuschieri huma biss ir-riċetta diretta għal aktar ħsara diretta fil-konfront tal-istess Gvern Laburista mmexxi minn Robert Abela kif seħħ dan l-aħħar meta waqt wieħed mill-programmi tiegħu Manuel Cuschieri fetaħ attakk bla ebda preċedent fuq in-negozjanti u l-importaturi… proprju l-għada li l-istess Tmexxija tal-Partit Laburista kienet marret fuqhom biex jikkontribwixxu finanzjarjament għall-maratona tal-Partit Laburista!
Imma lil hinn minn dan it-Tmexxija tal-Partit Laburista u Robert Abela jafu li ta’ Joseph Muscat qegħdin proprju jinqdew bil-programmi ta’ Manuel Cuschieri biex iwasslu l-aġenda tagħhom… anki jekk din bi spiża qawwija għall-aġenda ta’ Robert Abela li jkompli joħroġ kemm hu dgħajjef li anqas mhu kapaċi jikkontrolla l-kontenut li jkun trasmess fuq l-istazzjonijiet ONE!
//= $special ?>