Lokali Qorti

Somalu jammetti li seraq laptop u oġġetti minn karozza

Mohamed Mohamoud Omar ta’ 22 sena mis-Somalja, li jirrisjedi fil-Villaġġ tat-Tined ta’ Hal Far, ġie mixli li nhar it-Tlieta seraq borża li kien fiha laptop u oġġetti oħra ta’ valur minn karozza pparkjata fil-Marsa.
Il-Prosekutur l-Avukat Nadia Ciappara, f’isem l-AĠ u l-Ispettur Sarah Kathleen Zerafa akkużaw lil Omar b’serq, aggravat minn numru ta’ fatturi.

Fil-Qorti ntqal kif fil-31 ta’ Ottubru, il-pulizija kienet irċeviet rapport ta’ serq minn karozza pparkjata fil-Marsa. Filmati CCTV wrew raġel joħroġ il-borża misruqa mill-karozza tal-vittma. Aktar tard dakinhar filgħaxija, għassa tal-pulizija fil-Marsa lemħet lill-imputat, li kien liebes l-istess ħwejjeġ bħar-raġel fil-filmati u ġie arrestat.

Omar wieġeb ħati tal-akkużi, l-avukat tiegħu tal-għajnuna legali Joseph Bonnici jargumenta li kien irrikorri għall-kriminalità biex jitma’ lilu nnifsu. “Seraq laptop ta’ €800 u biegħu għal €20 għax ma jiflaħx għall-ikel,” qal l-avukat, li żied li r-raġel kien ukoll dipendenti fuq is-sigaretti.

Fis-sottomissjonijiet tiegħu dwar il-piena, l-avukat talab lill-qorti biex tqis il-fatt li l-imputat kien żgħir, ma kellu l-ebda rekord kriminali u bħalissa kien “joqgħod f’resort li mhuwiex rakkomandabbli,” – referenza għal il-Hal Far Tent Village. Il-Maġistrat Noel Bartolo kkundanna lil Omar għal sena ħabs, sospiżi għal tliet snin.