Il-Pulizija akkużat raġel b’rabta ma’ 17-il serqa li seħħew f’dawn l-aħħar xahrejn. L-Ispetturi Warren Galea u Francesco Mizzi flimkien mal-prosekuturi minn naħa tal-AĠ, l-Avukati Nathaniel Falzon u Martina Calleja ressqu l-qorti lil Luka Perkovic ta’ 35 sena mill-Kroazja.
L-Ispettur Galea qal lill-Maġistrat Noel Bartolo kif l-għassa tal-Qawra kienet qed tinvestiga fluss ta’ rapporti ta’ serq minn vetturi pparkjati f’San Pawl il-Baħar, li bdew f’Settembru. Fl-1 u fit-2 ta’ Novembru, ġew ippreżentati żewġ rapporti wara xulxin.
F’każ wieħed, fejn il-persuna li ressqet ir-rapport kienet ġriet wara l-ħalliel iżda ma setgħetx tlaħħaq miegħu. Id-deskrizzjoni li ta taqbel mal-akkużat. Il-filmati tas-CCTV donnhom jikkonfermaw li l-ħalliel kien Perkovic.
Uffiċjali tal-Pulizija marru fi blokk ta’ appartamenti fejn kien maħsub li kien joqgħod Perkovic iżda ma sabuhx hemmhekk. Perkovic intlemaħ minn patrol tal-pulizija u pprova jaħrab. Persuna li nzerta għaddej mill-inħawi qal lill-pulizija li kien qed jistaħba fiż-żona komuni ta’ kumpless ta’ garaxx privat, fejn ir-raġel ittieħed arrestat.
L-Avukat ta’ Perkovic, Joe Bonnici, ressaq dikjarazzjoni ta’ mhux ħati għall-imputat, iżda ma talabx il-ħelsien mill-arrest, minflok talab li jingħata kura għall-vizzju tad-droga waqt li jkun arrestat.