Futbol Sport

Birkirkara u Marsaxlokk jitfħu s-seba’ ġurnata tal-Kampjonat BOV Premier

(Ritratt: Catriel Farrugia)

Rowen Camilleri

Illum jingħata bidu għas-seba’ ġurnata tal-Kampjonat BOV Premier b’żewġ partiti fis-Centenary Stadium, fejn fl-ewwel waħda Birkirkara jaffrontaw lil Marsaxlokk filwaqt li eżatt warajha jiltaqgħu it-timijiet ta’ Gżira United u Valletta. Il-ħames logħbiet l-oħra mbagħad jintlagħabu għada l-Ħadd bi tlieta minnhom fis-Centenary Stadium u t-tnejn l-oħra fit-Tony Bezzina Stadium. Wara dan il-programm ta’ logħob il-kampjonat jerġa’ jkollu waqfa ta’ 20 ġurnata minħabba l-impenn tat-tim Nazzjonali Malti kontra l-Ingilterra f’Wembley Stadium fis-17 ta’ Novembru li ġej.

Birkirkara vs Marsaxlokk | Illum, fis-2pm fis-Centenary Stadium

Il-konfront li se jiftaħ is-seba’ ġurnata tal-Kampjonat BOV Premier huwa dak bejn Birkirkara u Marsaxlokk, konfront bejn żewġ timijiet li bħal Sliema jinsabu fit-tielet post b’10 punti kull wieħed. L-Istripes, wara telfa u wirja diżappuntanti kontra Mosta, il-ġimgħa li għaddiet wettqu reazzjoni mill-aqwa meta bi prestazzjoni dominanti għelbu lill-ġirien Balzan 3-0. Giovanni Tedesco u sħabu se jkunu qed jittamaw li l-plejers tagħhom iżommu l-forma li urew fil-partita kontra Balzan, b’Andrei Ciolacu u Paul Mbong ikunu fost l-aqwa plejers Karkariżi f’din il-partita. Min-naħa l-oħra Marsaxlokk se jkunu ġejjin minn żewġ telfiet konsekuttivi kontra Valletta u Mosta rispettivament u telfa oħra tista’ tkun il-kaġun li t-tim immexxi minn Winston Muscat jitlef postu mal-ewwel erbgħa qabel il-waqfa tan-nazzjonal. Ix-Xlukkajri jridu jtejjbu l-prestazzjonijiet tagħhom, speċjalment meta t-tliet konfronti li jmisshom huma kollha iebsin fejn minbarra Birkirkara huma se jkunu qed jaffrontaw lil Ħamrun u Gżira.

L-aħħar darba li ltaqgħu Birkirkara u Marsaxlokk, il-konfront spiċċa fi draw ta’ 1-1.

Gżira United vs Valletta | Illum, fl-4:30pm fis-Centenary Stadium

Konfront bejn żewġ timijiet li ġejjin minn telfiet fl-aħħar ħarġa tagħhom huwa dak bejn Gżira United u Valletta. Punt biss hemm jifred lil dawn it-tnejn fil-klassifika hekk kif Gżira għandhom 7 punti filwaqt li Valletta għandhom 8. Fl-aħħar konfront it-tim immexxi minn Darren Abdilla sofra telfa fid-derby kontra l-ġirien Sliema Wanderers, b’dawn tal-aħħar iwaqqfu l-mument pożittiv tal-Maroons li kienu ġejjin minn żewġ rebħiet wara bidu negattiv fl-ewwel tliet logħbiet. Din il-partita tista’ tkun waħda diffiċli għal Gżira kontra Valletta fejn wara l-ingaġġ ta’ Enzo Potenza, minkejja t-telfa fl-aħħar partita kontra Ħamrun, il-Beltin jidhru aktar organizzati u jekk il-prestazzjoni tal-plejers bħal Victor Luiz, Brandon Paiber, Federico Falcone u oħrajn tkun bħalma kienet f’dawn l-aħħar żewġ partiti, Valletta għandhom ċans jieħdu l-punti massimi minn dan il-konfront. Gżira u Valletta għandhom quddiemhom programm iebes ta’ partiti wara l-waqfa internazzjonali u għalhekk rebħa se tkun qed tgħin lil min jiksibha sabiex ikun preparat moralment għal-logħbiet li ġejjin bejn l-aħħar ta’ dan ix-xahar u nofs ix-xahar id-dieħel.

Valletta ħarġu rebbieħa l-aħħar darba li ltaqgħu kontra Gżira bl-iskor ta’ 2-1 l-istaġun li għadda.

Ħamrun Spartans vs Mosta | Għada, fil-11am fis-Centenary Stadium

Il-partita tal-Ħadd filgħodu tara liċ-champions u leaders tal-klassifika Ħamrun Spartans jiltaqgħu kontra Mosta, tim fil-forma u li ġej minn żewġ rebħiet. Il-ġimgħa l-oħra Ħamrun kienu għal ħinijiet twal fil-kontroll tal-partita kontra r-rivali Valletta iżda f’mumenti minnhom fit-tieni taqsima baxxew xi ftit iż-żejjed ir-ritmu u dan seta’ kien fatali kieku Valletta ma fallewx penalty meta l-iskor kien 2-0. Ovjament fil-futbol l-importanti hu li tieħu t-tliet punti u s’issa apparti d-draw kontra Sliema, l-Ispartans dejjem għamlu dan u bla dubju kontra Mosta se joħorġu biex ma jieħdu xejn inqas minn rebħa li tikkonfermhom fil-quċċata tal-klassifika b’aktar minn nofs l-ewwel round milgħub. Min-naħa l-oħra l-Mostin, konxji mil-qawwa tal-avversarji jeħtieġ li jkunu perfettemant iddixiplinati u jagħtu mill-inqas spazju lill-plejers Ħamruniżi filwaqt li jkunu tattikament organizzati bit-tama li jieħdu xi ħaġa minn dan il-konfront. Mosta se jkunu mingħajr id-difensur  Damian Evans Aneni li jinsab sospiż logħba.

Lura f’Marzu li għadda Ħamrun għelbu lil Mosta 2-1 bil-gowls tal-Ispartans jaslu minn Bruno Ederson u Elvis Mashike.

Hibernians vs Gudja United | Għada, fis-2pm fit-Tony Bezzina Stadium

B’erba’ partiti mingħajr ma jirbħu, fejn fi tlieta minnhom saħansitra kienu fuq in-naħa telliefa, Hibernians imiss jilagħbu kontra Gudja United, f’partita li l-Pawlisti se jkunu qed jippretendu li jieħdu xejn inqas minn tliet punti kontra tim li apparti li għadu qed ifittex l-ewwel rebħa tal-istaġun, jinsab żewġ punti biss bogħod minn qiegħ il-klassifika. Uġiegħ ta’ ras kbira għandu l-kowċ ta’ Hibernians Branko Nisevic hekk kif se jkun mingħajr tliet plejers kruċjali, Zachary Grech, Ferdinando Apap u l-captain Bjorn Kristensen li lkoll jinsabu sospiżi logħba. Min-naħa l-oħra Gudja għandhom sospiż lid-difensur Brenner Santos li wkoll qed jiskonta sospensjoni ta’ partita waħda. Bħalma għedna diġa’, Jesmond Zammit irid isib malajr riċetta li tiffunzjona aktar fit-tim ta’ Gudja għaliex jekk l-andament jibqa’ kif inhu sal-aħħar ta’ dan ir-round, se tkun diffiċli ħafna li jevitaw li jkunu wieħed mill-aħħar erba’ timijiet fil-klassifika.

Hibernians rebħu l-aħħar konfront bejn it-tnejn bl-iskor ta’ 4-1.

Santa Lucia vs Sliema Wanderers | Għada, fis-2pm fis-Centenary Stadium

Tim ieħor li jrid idawwar ir-rotta malajr kemm jista jkun huwa t-tim tal-qiegħ nett Santa Lucia, li din il-ġimgħa jilgħab kontra Sliema Wanderers. Minkejja li għat-tieni ġimgħa konsekuttiva s-Saints ma tilfux, xorta waħda baqgħet ma waslitx l-ewwel rebħa u dan it-tim s’issa qed juri li m’għandux il-kwalitajiet biex jilgħab fl-għola diviżjoni tal-futbol Malti. Ovjament f’Jannar wieħed ikollu l-opportunità li jagħmel l-irtokki meħtieġa, iżda qabel jiftaħ is-suq tat-trasferimenti jonqos ħames logħbiet u jekk Santa Lucia ma jiġbrux il-punti malajr kemm jista’ jkun, se jkun tard wisq biex isalvaw l-istaġun. L-avversarji li jmiss lhuma Sliema Wanderers, wieħed mill-aktar timijiet organizzati tattikament u li qed jaqta’ figura mill-aqwa fir-ritorn tiegħu fil-Kampjonat Premier. Fl-aħħar konfront Sliema rebħu lill-ġirien Gżira b’gowl fl-aħħar minuti tal-partita, gowl li poġġihom fit-tielet post tal-klassifika bl-istess ammont ta’ punti daqs Marsaxlokk u Birkirkara, li llum jilagħbu kontra xulxin u għalhekk rebħa għal Sliema tfisser li se jkunu qed jaqbżu lil wieħed minn dawn it-timijiet jew saħansitra lit-tnejn li huma jekk jispiċċaw f’parità.

L-aħħar konfront bejn dawn iż-żewġ timijiet imur lura għal żewġ staġuni ilu bil-Blues joħorġu rebbieħa 2-1.

Balzan vs Naxxar Lions | Għada, fl-4:30pm fis-Centenary Stadium

Fit-tielet partita tal-Ħadd fis-Centenary Stadium, Balzan se jkunu qed ifittxu li jirritornaw għar-rebħ meta jiltaqgħu kontra Naxxar Lions. L-iskwadra mmexxija minn Oliver Spiteri ddiżapuntat bi kbir fl-aħħar logħba kontra Birkirkara, bl-Istripes jiddominaw il-konfront u jirbħu 3-0. B’rebħa Balzan jistgħu wkoll jieħdu vantaġġ mir-riżultat bejn Birkirkara u Marsaxlokk, hekk kif bħal Mosta huma jinsabu biss punt taħthom b’disa’ punti fir-raba’ post. L-inkonkonsistenza hija problema dan l-istaġun għal Balzan hekk kif s’issa rebħu tliet logħbiet u tilfu tlieta, bit-telfiet jaslu mal-hekk imsejjħa t-timijiet il-kbar. Naxxar min-naħa l-oħra ġejjin minn żewġ riżultati ta’ draw kontra Floriana u Hibernians rispettivament bil-prestazzjonijiet issa qed ikunu ferm aħjar minn dawk tal-bidu, bid-difiża li qed tidher aktar kompatta u li qed tagħmilha aktar diffiċli għall-avversarji biex jinfduha. M’għandniex xi ngħidu li rebħa għal Naxxar qabel il-waqfa li ġejja tkun l-aqwa riżultat, iżda żġur li jridu jkunu kawti hekk kif quddiemhom għandhom avversarji li minkejja li mhux qed ikunu konsistenti għandhom plejers ta’ kwalità u li jistgħu jagħmlu d-differenza. L-aħħar darba li lagħbu kontra xulxin Naxxar u Balzan kien fl-istaġun 2017/18 meta dakinhar il-partita spiċċat fi draw ta’ mingħajr gowls.

Floriana vs Sirens | Għada, fl-4:30pm fit-Tony Bezzina Stadium

Fl-aħħar nett fit-tieni logħba tal-Ħadd fit-Tony Bezzina Stadium, Floriana ta’ Mauro Camoranesi jilagħbu kontra t-tim immexxi minn Steve D’Amato Sirens. Il-ġimgħa li għaddiet il-Greens tilfu l-ewwel post bid-draw kontra Gudja United u fuq il-karta m’għandhomx ifallu kontra Sirens li huwa wieħed mit-timijiet li għadu ma rebaħx u bħal Santa Lucia jinsab f’qiegħ il-klassifika b’żewġ punti. Kontra Gudja Floriana kienu bla dubju l-aħjar tim fil-ground iżda m’għarfux jisfruttaw l-opportunitajiet li ħolqu biex kellhom jikkuntentaw bi draw. Huma se jkunu mingħajr il-midfielder Matias Garcia li jinsab sospiż wara li dabbar ir-raba’ karta safra tiegħu. Fl-aħħar konfront li kellhom Sirens kontra Santa Lucia ħareġ aktar ċar il-livell baxx ta’ dawn iż-żewġ timijiet fi draw medjokri ta’ 0-0 u bħas-Saints, it-tim minn San Pawl il-Baħar irid kemm jista’ jkun malajr jibda jiġbor il-punti, għalkemm dan il-konfront kontra Floriana huwa wieħed iebes. Minkejja li għadu xi ftit kmieni biex wieħed jibda jbassar, xorta jibqa’ l-fatt li meta tieħu konsiderazzjoni li diġa hemm 5 punti jifred lil Sirens mit-tim fl-10 post Gżira, mhux sigriet li Sirens se jkun wieħed mit-timijiet li se jsibha diffiċli biex iżomm postu mal-kbar tal-futbol Malti.

Floriana rebħu l-aħħar konfront kontra Sirens 1-0 b’gowl ta’ Kemar Reid.